It-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi ġiet infurmata dwar il-ħaddiema tar-residenza St. Vincent De Paul għaliex mhux qegħdin jitħallew jieħdu l-mistrieħ tagħhom kif suppost.
Il-membri tal-GWU illi jaħdmu fir-residenza San Vincenz qegħdin jiġu mitluba jmorru jagħmlu swab test fil-ġranet tal-mistrieħ tagħhom. Għall-ħaddiema fis-settur mediku huwa bid-dritt tagħhom u tal-pazjenti illi jagħmlu swab b’mod regolari biex jipproteġu lil xulxin u lill-familjari tagħhom f’dan iż-żmien tal-pandemija.
Il-GWU ma taqbilx ma’ din id-deċiżjoni illi ttieħdet li l-swab isir fil-ħin ta’ mistrieħ tal-ħaddiema. Bħalissa dawn il-ħaddiema membri diġà għandhom l-isfida tal-pandemija u huwa bix-xieraq illi jieħdu l-mistrieħ tagħhom. Il-GWU tisħaqq illi dawn il-ħaddiema għandhom jagħmlu t-test fil-ħin tax-xogħol tagħhom jew inkella jiġu kkumpensati jekk jiġu mgħajtin biex jagħmlu swab barra l-ħin tax-xogħol tagħhom.
Il-GWU żżid tgħid illi hi lesta tieħu azzjoni biex tipproteġi d-drittijiet tal-membri jekk mhux ħa jintlaħaq ftehim.