Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU bi żjara fiċ-ċentru ta’ distribuzzjoni tal-fjuwil f’Ħas-Saptan

Fil-jiem li għaddew, delegazzjoni tal-General Workers’ Union immexxija mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja żaret iċ-ċentru ta’ distribuzzjoni tal-fjuwil f’Ħas-Saptan li ġie inawgurat fi Frar li għadda b’investiment ta’ €70 miljun. Il-faċilità issa bdiet topera f’Ħas-Saptan, żona rurali f’Ħal Għaxaq, minflok iż-żona residenzjali fejn kienet tinsab l-installazzjoni tal-31 ta’ Marzu 1979 f’Birżebbuġa.

F’din iż-żjara, l-uffiċjali tal-GWU ġew murija l-istruttura l-ġdida u moderna li nbniet f’Ħas-Saptan, bis-Segretarju Ġenerali tal-GWU jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li din il-faċilità ma baqgħetx iktar ta’ inkonvenjent għall-familji li kienu joqogħdu fil-viċinanzi li kien hemm fil-faċilitajiet li kien hemm qabel f’Birżebbuġa.

Huwa wera wkoll l-apprezzament tiegħu lejn il-ħaddiema għax-xogħol kbir li wettqu biex sar it-trasferiment minn faċilità għall-oħra u kif ukoll għall-kontribut li taw biex il-kumpanija setgħet tkompli miexja ´l quddiem u tissaħħaħ. 

Is-Sur Bugeja kien akkumpanjat minn Kevin Camilleri, Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, u Rita Dimech, Segretarju tat-Taqsima GWU Kimika u Enerġija. Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop. 

Waqt din iż-żjara, ġie spjegat li f’dan iċ-ċentru nazzjonali tad-distribuzzjoni ġew installati pompi ġodda tal-ogħla standard industrijali fit-tankijiet ta’ taħt l-art u kif ukoll dawk ġodda ´l fuq mill-art.

Ġew installati wkoll fuel vapour detectors fl-installazzjoni ta’ taħt l-art, inkluż fil-pump rooms, sabiex jekk jinstabu livelli perikolużi ta’ fuel vapour tinxtegħel sirena u jieqfu l-operazzjonijiet. 

Apparti minn hekk, ġew installati variable speed pumps li jnaqqsu l-konsum tal-elettriku billi kontinwament iqabblu l-veloċità tal-pompi mad-domanda tal-fuel. Inbniet gantry b’sitt karreġġjati sabiex jimtlew il-bowsers bil-fjuwil bl-iktar mod effiċjenti. Fil-fatt, l-effiċjenza fit-tagħbija tal-bowsers żdiedet b’erba’ darbiet meta mqabbel mal-impjant ta’ Birżebbuġa.

Is-sistema tat-tagħbija tal-bowsers tista’ takkomoda 80 grad differenti ta’ fjuwil, biex b’hekk l-Enemed jista’ jkollha gradi differenti ta’ fjuwil fil-futur. It-tagħbija tal-bowsers hija wkoll proċess awtomatizzat sabiex titnaqqas il-possibilità li jsiru inċidenti jew żbalji waqt il-proċess tat-tagħbija.

Tnax-il tank tal-istainless steel, kull wieħed jesa’ 250 metru kubu, ġew installati fis-sit ta’ ´l fuq mill-art sabiex jipprovdu l-fuel għall-bowsers.

Il-proċessi kollha, kemm tal-installazzjoni ta’ taħt l-art kif ukoll dawk ġodda ´l fuq mill-art, huma kontrollati minn control room waħda ċentrali, li tipprovdi aktar viżibilità u kontroll tal-operazzjonijiet kollha.

Is-sit il-ġdid ġie mgħammar b’Vapour Recovery Unit li taqbad il-fuel vapour u terġa’ tikkonvertih lura għal likwidu, u b’hekk tipproteġi l-ambjent minn Volotile Organic Compounds.

Fl-istess waqt, inbena impjant tan-Nitroġenu li jżomm l-ispazju vojt ta’ fuq it-tankijiet mimli bil-gass inert, u b’hekk tiżdied is-sigurtà. 

L-impjant huwa protett b’sistema ġdida tat-tifi tan-nar li għandha ġibjun tal-ilma kbir biżżejjed biex tkopri sa erba’ sigħat, id-doppju tal-ħtieġa minima mitluba mill-istandard NFPA.