Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU mal-milja tas-snin  (1)

Il-ġustizzja soċjali kienet u għadha l-aspirazzjoni ewlenija wara t-twaqqif u l-ħidma tal-General Workers’ Union. Il-ġustizzja soċjali m’hijiex astratta u ma tinkisibx biss bid-drittijiet fuq il-post tax-xogħol iżda tinkiseb ukoll bi drittijiet politiċi li jagħtu leħen liċ-ċittadini.

Fuq kollox, iżda, l-għan ewleini tal-GWU baqa dak li ġġib ‘il quddiem ir-risq u l-ġid tal-ħaddiema fil-qasam tal-impjieg tagħhom u tikseb għall-imsieħba livell ta’ għajxien xieraq mal-progress taż-żminijiet.

Il-GWU, għax hi organizazzjoni dinamika tinbidel maż-żminijiet u tinbidel mal-ħtiġijiet u l-progress tas-soċjeta iżda l-prinċipji tagħha msejsa fuq il-ġustizzja soċjali ma jinbidlu qatt, ewlieni fosthom id-dritt tar-rappreżentanza f’dak kollu li jirrigwarda l-interessi tal-ħaddiema.

Għalhekk, sa mit-twaqqif tagħha 80 sena ilu, il-GWU ħadmet u kisbet drittijiet biex il-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol ikollhom id-dinjita’ li tixraq flimkien ma’ drittijiet politiċi li jagħtu vuċi lill-ħaddiem fit-tmexxija tal-pajjiż.

L-istorja tal-GWU u l-progress soċjali f’pajjiżna għalhekk jidħlu f’xulxin għax huma marbutin ma xulxin u jirriflettu lil xulxin.