Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU bi 80 telefonata kuljum għall-kumpens mill-asbestos

Fl-aħħar jiem, rajna ssir ġustizzja mal-eks ħaddiema tat-Tarzna hekk kif dawn bdew jingħataw kumpens għall-mard li sofrew matul iż-żmien waqt il-ħidma tagħhom meta kienu esposti għall-asbestos. 

Il-General Workers’ Union, li ħadmet bis-sħiħ biex tara li din il-ġustizzja titwettaq, kellha rispons qawwi tant li qiegħda tirċievi mat-80 telefonata kuljum b’rabta ma’ każi ta’ mard kaġunat mill-asbestos. Dawn il-każi għall-kumpens qed jiġu trattati minn Jesmond Marshall, Segretarju tat-Taqsima GWU Metall u Kostruzzjoni.

Kien proprju nhar is-6 ta’ Ottubru li għadda, meta l-Gvern ħabbar li xejn inqas minn 49 ħaddiem kienu fost tal-ewwel li se jingħataw dan il-kumpens li jvarja bejn €5,800 u €16,600. Għal dawk il-ħaddiema li tilfu ħajjithom, il-kumpens se jkun qed jingħata lill-familjari tagħhom.

F’kummenti mas-sit Talk.mt, is-Segretarju Jesmond Marshall qalilna li r-rispons li kellhom f’dan ir-rigward “sfortunatament” kien wieħed b’saħħtu ħafna. “Qed ngħid sfortunatament għax hawn qed nitkellmu fuq nies li mardu. Aħjar kważi kważi ma jkollok xejn f’dan il-każ milli jkollok dan in-numru kbir ta’ nies. Nista’ ngħid li mis-6 ta’ Ottubru sal-lum kelli madwar 80 telefonata kuljum,” qal Marshall.

Mistoqsi x’wieħed għandu jagħmel biex iressaq il-każ tiegħu u anke japplika għall-kumpens, huwa qal li dan għandu jiġi fil-bini tal-GWU u jġib miegħu d-dokumenti neċessarji kollha fosthom l-employment history, iċ-ċertifikat tal-mard kawża tal-asbestos u kull evidenza oħra relatata ma’ din il-marda.

May be an image of one or more people

“SE NAGĦMEL KUNTATT MA’ KULĦADD IŻDA HEMM ĦAFNA PERSUNI X’NIKKUNTATTJAW”

Jesmond Marshall, Segretarju tat-Taqsima GWU Metall u Kostruzzjoni

Marshall sostna li mill-eks ħaddiema tat-Tarzna li ressqu l-każ tagħhom wara s-6 ta’ Ottubru, instabu każi ta’ eks ħaddiema li l-union ressqet il-każ tagħhom fl-Amerika.

Fuq dawn il-każi tal-Amerika huwa ċċara li: “persuna jrid ikun marad b’mard terminali jew tilef ħajtu kawża tal-asbestos fl-aħħar tliet snin. F’dak il-każ, għandna l-Avukati tagħna ġewwa l-Amerika u minn hemm naraw jekk ikunx hemmx każ jew le.”

Marshall għamilha ċara wkoll li l-union ma tiddeċidix hi, la għall-każi ta’ Malta u lanqas għall-każi tal-Amerika, dwar jekk persuna ħaqqhiex kumpens jew le.

“Jiena kull każ li jiġi quddiemi ngħaddih lil min qed jara dawk il-każi. Dawn ngħadduhom lill-Ministeru tal-Finanzi fejn hemm bord ta’ tobba li jaraw dawn il-każi u minn hemm imbagħad il-persuna tiġi kkuntattjata mill-Ministeru u jgħidulhom għandhomx kumpens jew le. F’każ fejn ma jkunx hemm kumpens, hemm iċ-ċans ukoll tal-appell. Aħna nistgħu ngħinuh ukoll f’dan il-każ,” temm jgħidilna s-Segretarju Marshall.