Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Titħabbar il-mewt tal-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb

Għadha kemm tħabbret il-mewt tal-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb fl-età ta’ 68 sena. Zarb kellu aktar minn 42 sena ta’ esperjenza fil-qasam trejdunjonistiku. 

Tony ħadem f’diversi karigi differenti ġewwa l-GWU minn membru tal-kumitat għal Shop Steward għall-ħaddiema tal-Blue Bell. Tony kien delegat kif ukoll membru tal-eżekuttiv fit-Taqsima tat-Tessuti. Għal dawn l-aħħar 38 sena Zarb kien ukoll membru fil-Kunsill Nazzjonali. 

Fl-1985 ġie impjegat full time mal-Union bħala rappreżentant u sentejn wara ġie maħtur Segretarju tat-Taqsima Port u Transport. Fl-1997 ġie elett Deputat Segretarju Ġenerali. Sentejn biss wara ġie appuntant Segretarju Ġenerali fejn okkupa din il-pożizzjoni għal 16-il sena. 

Għal dawn l-aħħar xhur, Tony Zarb serva bħala s-Segretarju tal-GWU – Għaqda Pensjonanti.

Fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu hemm il-Prim Ministru Robert Abela li fakkar dwar il-valuri tiegħu li kienu jġibu dejjem liż-żgħir u lill-ħaddiem l-ewwel.