Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Għandna niffukaw fuq ekonomija sostenibbli mhux fuq sostenibilità ekonomika

Qed ngħixu fi żmien ikkumplikat ħafna, diffiċli ħafna, iżda f’perjodu ta’ bidla interessanti ħafna għall-ewropa u għad-dinja wara l-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna u r-rivoluzzjoni ħadra, li lkoll qed iħallu l-effetti tagħhom fuq id-dinja tax-xogħol u l-organizzazzjoni ta’ ħajjitna. 

Din ir-riflessjoni għamilha Giulio Romani, Segretarju Konfederali tal-Konfederazzjoni tat-TrejdUnjins Ewropej (ETUC). Romani kien wieħed mill-mistiednin barranin li lbieraħ indirizza l-Konferenza Internazzjonali tal-GWU f’għeluq it-80 sena tagħha.

Waqt li radd ħajr lill-GWU għall-istedina li saritlu, huwa awgura żmien sabiħ lill-GWU f’dan it-80 anniversarju tagħha.

Fid-diskors tiegħu Romani aċċenna għal diversi temi marbuta mad-dinja tax-xogħol u l-ħaddiema. Huwa fisser li għall-ewwel darba qed titpoġġa fiċ-ċentru mhix is-sostenibbiltà ekonomika iżda l-idea ta’ ekonomija sostenibbli għall-ħaddiema tagħna, għaċ-ċittadini tagħna. 

Huwa stqarr li t-tema fundamentali illum hija s-sostenibbiltà soċjali u li din tkun fiċ-ċentru tal-ekonomija sostenibbli. “Illum għandna sfidi quddiemna li qed jaffettwaw id-dinja tax-xogħol fosthom l-ambjent u t-tibdil tal-klima għalhekk it-trejdunjins iridu jkunu huma fiċ-ċentru ta’ dan ix-xenarju, fiċ-ċentru ta’ ekonomija sostenibbli.

Tkellem ukoll dwar waħda mill-problemi ewlenin li qed jiffaċċja l-Mediterran, dik tal-immigrazzjoni u qal li din il-problema hija waħda kumplessa u komuni għall-Italja u għal Malta u f’dan il-kuntest sostna li bħala Ewropej irridu naħdmu aktar favur l-integrazzjoni u l-inklużjoni.

Sostna li dan iżda rridu nagħmluh b’intelligenza. Irridu nibnu Ewropa diversa għalhekk l-integrazzjoni għandha tkun tema Ewropea u tkun proċess ta’ żvilupp anki kulturali u ċivili fl-istorja tas-soċjetà tagħna. Għax jekk mhux se jsir hekk allura se jibqa’ jkollna problema.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu huwa rrefera għad-demokrazija u semma li f’xi pajjiżi d-demokrazija hi fi kriżi. F’dan il-kuntest huwa qal li għalhekk is-sostenibilità tax-xogħol u l-iżvilupp sostenibbli għandhom ikunu l-kontribut importanti tat-trejdunjins f’dan ix-xenarju kollu.