Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU tpoġġi fuq l-aġenda l-living income

Il-GWU trid li ssir diskussjoni biex jiġi magħruf kif ikun finanzjat l-investiment fil-kwalità tal-ħajja permezz ta’ dħul adegwat. Din id-diskussjoni għandha twassal biex isir magħruf kif dan l-investiment jiġi finanzjat jekk hux mill-Gvern jew inkella minn min iħaddem b’żieda fil-pagi. 

Il-proposta għal din id-diskussjoni saret mis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja waqt konferenza li organizzat il-GWU dwar dik li hi magħrufa bħala l-living income. Huwa semma li dan l-investiment m’għandux ikun imħallas mill-Gvern billi l-istess investiment huwa magħmul mit-taxxi li jħallas il-poplu.

“Ma nemminx u tweġġagħni ħafna l-fatt li jkollok bniedem li joħroġ jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum u d-dħul tiegħu mhux biżżejjed biex jilħaq ċertu livell li jkollu jissussidja l-paga tiegħu l-Gvern. Imma għandna postijiet tax-xogħol li ma jifilħux dik l-ispiża. Flimkien irridu naraw dan,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Huwa spjega wkoll li fl-istudju li sar mill-GWU kienu mistħarrġa kategoriji differenti ta’ familji f’Malta. F’din ir-riċerka ttieħed konsiderazzjoni ta’ diversi fatturi fosthom is-saħħa, l-ikel u x-xorb, housing, l-edukazzjoni trasport u rikreazzjoni fost affarijiet oħra. 

L-istudju stabbilixxa li l-living income nazzjonali għandu jkun ta’ madwar €14,864 għal persuna waħedha bla tfal, €20,099 għal ġenitur waħdu b’wild wieħed, €26,018 għal ġenitur waħdu b’żewġt itfal, €21,316 għal koppja bla tfal, €25,746 għal żewġ ġenituri b’wild wieħed u €30,734 għal żewġ ġenituri b’żewġt itfal.

Fil-kummenti tiegħu lil L-Orizzont, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li: “għamilna studju estensiv. Ħadna diversi tipi ta’ familji biex naraw kemm jonfqu u wara d-dħul li għandhom bżonn sabiex jilħqu kwalità ta’ ħajja diċenti. It-tieni pass huwa li jsir studju separat dwar il-housing.” 

Is-Sur Bugeja qal li dan kollu huwa parti minn vjaġġ li rridu nagħmlu biex naraw kif naspiraw li nilħqu dak il-għan imma wkoll kif billi nżidu l-kompetenzi, il-ħiliet u l-abiltajiet sabiex il-vakanzi li qed jinħolqu fl-ekonomija jkunu jistgħu jidħlu għalihom.

“Għaldaqstant, dik il-mobilità soċjali li persuna beda minn isfel u beda tiela’ ‘l fuq fil-karriera, biex id-dħul tiegħu jtejbu bil-ħiliet u l-kompetenzi tiegħu. Mhux għax jissusidjalu l-paga l-Gvern, jew xi ħadd jagħtih karità. Imma li bl-għaqal ta’ ġbinu bi-ħiliet li għandu jkun jista’ jkollu dħul diċenti biex ikollu ħajja adegwata kemm hu u kemm il-familja tiegħu,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU. 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin qal li b’dan l-istudju ridna nifhmu lil familji u individwi rigward id-dħul u l-infiq tagħhom sabiex naraw jekk humiex qed jgħixu ħajja diċenti.

Meta nitkellmu fuq dħul nagħmlu dan f’qafas tptali li jista’ jinkludi aspetti kollha bħall-paga, il-benefiċċji soċjali, il-pensjoni, l-edukazzjoni u s-saħħa fost oħrajn. 

“Permezz ta’ dan l-istudju ġie stabbilit il-livell tad-dħul meħtieġ sabiex persuni f’kuntesti soċjo-eknomiċi differenti jkunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti u dinjituża. Din ir-riċerka tat qafas sabiex inkomplu n-negozjati u diskussjonijiet fuq livell nazzjonali,” tenna s-Segretarju Bondin. 

Preeżenti għal din il-konferenza kien hemm is-Segretarji ta’ diversi Taqsimiet u anke Membri Parlamentari f’isem il-Gvern u l-Oppożizzjoni. L-istudju intitolat “A Proposal Towards the Definition and Estimates of the National Living Income in Malta 2022″ sar ukoll bis-sehem tal-Moviment Grafitti u l-Alleanza Kontra l-Faqar.