Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Titjib fil-kundizzjonijiet għall-ħaddiema fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma

“Qed noħolqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiema” – Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Il-General Workers’ Union irnexxielha tikseb titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż il-pagi, għall-ħaddiema membri tagħha fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC).

Il-ftehim kollettiv iffirmat ilbieraħ bejn iż-żewġ naħat, li jkopri sitt snin, jaħseb ukoll għal aktar stabbiltà fl-impjieg filwaqt li jsaħħaħ l-istruttura tal-gradi u jintroduċi aktar miżuri ‘family-friendly’.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, iddeskriva dan il-ftehim bħala wieħed li joħloq bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja privata ta’ kull persuna. Dan fi kliemu huwa essenzjali biex il-ħaddiema jibqgħu motivati f’xogħolhom.

“Kull ftehim iffirmat huwa suċċess għal kull trejdunjonista. Iżda meta ninsabu f’kuntest ta’ pandemija u tiffirma ftehim kollettiv, dak is-suċċess ikun ikbar,” tenna s-Sur Bugeja.

Huwa stqarr li ż-żidiet fil-pagi huma importanti, però daqstant ieħor importanti f’dawn iċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom hi l-istabbilità tal-impjieg u li taf li għandek maniġment li qiegħed jinvesti fil-ħaddiema u l-ħiliet tagħhom.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU tkellem ukoll dwar il-flessibiltà fuq il-post tax-xogħol fejn sostna li fil-pandemija sirna aktar konxji dwar l-importanza tagħha biex nimxu ‘l quddiem u nkunu aktar effiċjenti.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-WSC Ivan Falzon iddeskriva dan il-ftehim bħala pass importanti fil-ħidma li qiegħda twettaq il-Korporazzjoni “hekk kif il-ħaddiema huma fiċ-ċentru tas-suċċessi tagħha.”

Huwa rringrazzja lill-GWU tal-mod responsabbli kif mexxew in-negozjati anke fiċ-ċirkostanzi straordinarji li ninsabu fihom. Tenna li sar sforz biex jintbagħat messaġġ ta’ fiduċja li l-Korporazzjoni se tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha filwaqt li se tibqa’ tinvesti fil-ħaddiema tagħha.

F’kumment ma’ dan il-ġurnal, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin qal li dan huwa ftehim kollettiv li se jkompli jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema u ddaħħlu diversi kunċetti ġodda fejn fost oħrajn wieħed jista’ jmur għand professjonisti waqt il-ħin tax-xogħol biex jara s-saħħa mentali tiegħu u jingħata l-assistenza jekk meħtieġa.

“Rajna wkoll li jkun hemm pożizzjonijiet ġodda fejn jirriflettu x-xogħlijiet tal-ħaddiema bħalma huma dawk tas-snajja. Komplejna nrawmu aktar strutturi biex aktar ħaddiema jkunu jistgħu jipprogressaw,” tenna Bondin.

Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli li f’diskors li għamlet, qalet li minkejja l-pandemija qed naraw il-Korporazzjoni taħseb fil-ħaddiema taħgha.

Hija semmiet kif 87% tal-ħaddiema tal-Korporazzjoni se jkunu koperti mill-ftehim, li jħares lejn l-ħidma ta’ kuljum, l-element finanzjarju imma wkoll lejn titjib fil-governanza.

Il-Ministru Dalli kompliet tgħid li l-lealtà f’Korporazzjoni bħalma hi l-WSC hija essenzjali u importanti ħafna. “Intom il-ħaddiema li għandkom kuntatt dirett mal-konsumatur u l-lealtà li jkollkom tirrifletti fis-servizz li nkunu qed nagħtu lill-konsumaturi tagħna u s-servizz li huma jirċievu jirrifletti ruħu fuq il-pożizzjoni tal-Korporazzjoni.”

“Fuq kollox dak kollu li nagħmlu, huwa biex nagħtu l-aħjar servizz liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin – servizz kruċjali għan-negozji, l-industrija u l-familja tagħna. Intom il-frontliners, għax qed tiltaqgħu kontinwament man-nies. Allura intom l-ambaxxaturi tal-Korporazzjoni innfisha.”

Hija qalet ukoll li: “ridna li nagħtu stabbiltà. Għalhekk dan il-ftehim ikopri sitt snin sħaħ. Din hija stabbiltà li tiffoma parti mill-pjan ta’ ħidma ambizzjuża li għandha l-Korporazzjoni. Apparti hekk, qed tissaħħaħ l-istruttura tal-gradi. Irridu ntejbu l-progress tal-ħaddiema.”

Il-Ministru Dalli semmiet ukoll li qabel faqqgħet il-pandemija, il-Korporazzjoni kellha 32 ħaddiem li jaħdmu bit-telework, illum dawn telgħu għal 200. Din hi xi ħaġa pożittiva u turi kemm il-Korporazzjoni hi progressiva u kemm trid tara li tkun qed tindirizza l-ħtiġijiet tal-ħaddiema tagħha.

Il-ftehim f’isem il-GWU kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin u mill-President tal-istess taqsima, li huwa wkoll ir-rappreżentant tal-ħaddiema. Min-naħa tal-Korporazzjoni ffirmaw il-Kap Eżekuttiv Ivan Falzon u ċ-Ċermen Joseph Vella.

Source: inewsmalta.com