Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU u l-Kamra tal-Kummerċ bi ftehim biex jippromwovu l-Anzjanità Attiva

Il-GWU u l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ffirmaw ftehim dwar l-Anzjanità Attiva u l-approċċ interġenerazzjonali. L-għan ta’ dan il-ftehim huwa biex ikun żgurat ambjent tax-xogħol b’saħħtu, sigur u produttiv u l-għarfien u l-esperjenza li ħaddiem ikun akkwista matul is-snin jiġu trasferiti lill-ġenerazzjonijiet li jmiss.

Iż-żewġ naħat għarfu l-bżonn li jkun hemm politiċi fis-suq tax-xogħol Malti li jgħinu biex l-esperjenzi u r-riżorsi umani ma jintilfux. Il-GWU flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ ser ikunu qegħdin jaħdmu fuq prattiċi b’għodda diġitali li ser ikunu aċċessibbli mill-pubbliku.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU saħaq li, “Il-GWU tappoġġja lill-ħaddiema kollha inkluż dawk li jiddeċiedu li jkomplu jaħdmu għalkemm jilħqu l-età tal-irtirar. Aħna nemmnu li ħaddiema bi snin twal ta’ esperjenza għandhom ħafna x’joffru lill-organizzazzjonijiet u lill-bqija tat-tim. L-approċċ interġenerazzjonali jġib miegħu l-aħjar prattiki bejn il-ħaddiema għax l-għarfien akkademiku u l-esperjenzi huma essenzjali għan-negozji. Dan il-ftehim ser ipoġġina f’pożizzjoni aħjar biex inkomplu nappoġġjaw u nipproteġu l-Anzjanità Attiva b’mod kollettiv.” Bugeja żied li l-ħidma mal-Kamra tal-Kummerċ hija pass fid-direzzjoni t-tajba biex flimkien nilħqu l-għanijiet tagħna.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Ms Marisa Xuereb qalet li, “L-Anzjanità Attiva u l-approċċ interġenerazzjonali jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni għall-isfidi li niltaqgħu magħhom fis-suq tax-xogħol. Il-kontribut tal-professjonisti veterani u l-ħaddiema huma important għas-suċċess tan-negozji u l-ekonomija.”

Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm il-President tal-GWU Mr Victor Carachi u s-Segretarju Ġenerali Mr Josef Bugeja. Min-naħa tal-Kamra tal-Kummerċ kien hemm Ms Marisa Xuereb il-President tal-Kamra tal-Kummerċ u Dr Marthese Portelli l-Kap Eżekuttiv.