Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Għajnuna għas-saħħa mentali tal-ħaddiema

Għal ħafna minna x-xogħol huwa parti sinifikanti minn ħajjitna, fejn inqattgħu ħafna mill-ħin tagħna, fejn naqilgħu l-għajxien tagħna u ħafna drabi fejn nagħmlu l-ħbieb. Għalhekk huwa ta’ importanza kbira li inti jkollok xogħol sodisfaċenti u ambjent sigur li se jżommok kuntent, ta’ ġid għas-saħħa mentali u l-benessri ġenerali tiegħek.

Ilkoll ngħaddu minn żminijiet negattivi – xi drabi dan ikun relatat max-xogħol, oħrajn relatati mas-saħħa tagħna, ir-relazzjonijiet tagħna, il-familja jew xi ċirkostanzi. Dawn il-problemi jinġarru mid-dar għax-xogħol u mix-xogħol għad-dar.

Huwa importanti li ħaddiem li jkollu problema, jitkellem u mhux iżomm kollox fih. Jaqsam dan l-inkwiet mat-tmexxija tal-post tax-xogħol u mal-professjonisti. Huwa daqstant importanti li min iħaddem u jaf li hemm problema jieħu azzjoni u mhux jaħseb li kollox jissolva anke jekk ma jagħmel xejn. Huwa importanti li dawk li jħaddmuna jipproteġuna billi jindirizzaw il-kwistjonijiet eżistenti, jieħdu ħsieb lil dawk f’riskju, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għax-xogħol inġenerali. Ambjent tax-xogħol negattiv jista’ jagħmel ħsara għas-saħħa mentali tagħna.

Bħala tema importanti li minn dejjem kienet fuq nett tal-aġenda tal-General Workers’ Union, din it-trejd unjin minbarra li toffri servizz ta’ għajnuna għall-problemi ta’ saħħa mentali lil kull membru ħaddiem, tieħu ħsieb li tippromwovi s-saħħa mentali fuq kull post tax-xogħol, fosthom anke meta tiġi biex tinnegozja ftehim kollettiv.

Għal meta s-segretarji konċernati jiġu biex jiddiskutu dan is-suġġett li huwa suġġett delikat, il-GWU ħadet ħsieb li toffrilhom taħriġ, bħala mental health first aiders. Taħriġ li jgħinhom jagħrfu ċerti aspetti partikolari meta jiddiskutuh mal-maniġment jew mal-ħaddiema li jirrikorru għall-għajnuna tagħhom. Mhux biex jgħinu iżda biex jagħrfu s-sinjali relatati fuq il-ħaddiema.

Dan it-taħriġ kien ta’ importanza kbira waqt il-pandemija COVID-19 li kixfet aktar l-importanza tas-saħħa mentali.

Il-GWU ħasbet ukoll li toffri s-servizz ta’ terapija għas-saħħa mentali lill-ħaddiema tagħha nfushom, hekk kif dawn huma l-ewwel nies li ta’ kuljum jaffaċċjaw diversi sitwazzjonijiet u problemi ta’ ħaddiema membri.

Hekk kif lura fiż-żmien is-saħħa mentali ma tantx kienet tingħata prijorità u forsi kienet pjuttost titwarrab għax ma kinitx problema li tidher viżwalment, maż-żminijiet raw li s-saħħa mentali u mmaniġġjar tajjeb fuq ix-xogħol imorru id f’id. Infatti minn studji li saru ħareġ li postijiet tax-xogħol b’livelli għolja ta’ saħħa mentali huma aktar produttivi.

Il-GWU tieħu ħsieb ittella’ diversi konferenzi informattivi kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema dwar l-importanza li għandha tingħata s-saħħa mentali u s-saħħa inġenerali tal-ħaddiema. Kif għandha tiġi trattata fuq il-postijiet tax-xogħol u l-importanza tagħha meta jkun qed jiġi nnegozjat ftehim kollettiv.

Hekk kif l-aqwa riżors li għandu l-pajjiż huwa proprju l-ħaddiem, fortunatament f’pajjiżna għandna biżżejjed għarfien u qbil bejn min iħaddem u t-trejd unjins dwar dan is-suġġett partikolari, hekk kif il-pajjiż irid ħaddiema motivati u b’saħħithom, li ma jiddejqux imorru għax-xogħol.

Il-GWU tista’ tgħid li dejjem sabet maniġment li wera li kien lest li joffri s-servizzi meħtieġa għall-ħaddiema tiegħu meta dawn kellhom bżonn xi tip ta’ għajnuna partikolari biex jikkonfrontaw il-problemi tagħhom.

Minn dak kollu li għaddejna minnu matul il-pandemija, tgħallimna napprezzaw aktar is-saħħa tal-bniedem u importanti li nkomplu napprezzawha, inkluż is-saħħa mentali.

Huwa essenzjali li meta wieħed ma jħossux f’siktu jitkellem, ma jiżolax ruħu, ma jaqax f’solitudni u jirrikorri għall-għajnuna. Jeżistu dipartimenti, għodod, uffiċjali, support units li jgħinuk tegħleb il-problemi u ma tħossokx waħdek.

Il-GWU dejjem rat lill-ħaddiem b’mod ħolistiku u mhux biss bħala ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, iżda bħala persuni li jgħixu f’komunità.