Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Ħaddiema mis-CENTRECOM fiċ-Ċentri Reġjonali jisħqu li l-maniġment għandu jirrikonoxxi lill-GWU

Matul dawn l-aħħar ġimgħat numru konsiderevoli ta’ ħaddiema mal-kumpanija Centrecom, li hija waħda mill-ikbar Outsourcing Service Providers f’Malta, daħlu membri fil-General Workers’ Union. Għamlu dan kawża ta’ problemi u indifferenzi li qed iħossu li qed jaffaċċjaw ta’ kuljum.

Dawn il-gruppi ta’ ħaddiema, membri tal-GWU, ngħataw l-inkarigu li jaħdmu fiċ-ċentri reġjonali li joffri s-servizz.gov u fil-Head Office tas-Centrecom. Uħud minn dawn il-ħaddiema li jaħdmu flimkien ma’ ħaddiema taċ-ċivil qed jitolbu li jkunu rispettati u mogħtija dak li jistħoqqilhom, u jkunu stmati bl-istess mod daqs il-ħaddiema taċ-ċivil. Għalhekk qegħdin jitolbu l-appoġġ tal-General Workers’ Union biex jilħqu t-talbiet tagħhom hekk kif il-unjin tkun tista’ tinnegozja f’isimhom kif ukoll tipproteġihom.

It-Torċa tkellmet ma’ xi ħaddiema dwar dawn l-allegat nuqqasijiet u indifferenzi li qed iħossu u jaraw li jixtiequ li jiġu solvuti. Dan jiġri meta jingħataw struzzjonijiet differenti minn dawk li jimxu magħhom u dan jirriżulta li jeħlu multi peress li ma jkunux imxew mal-SOP’S (Standard Operating Procedures) maħruġa mill-kumpanija tagħhom.

Semmew ukoll kif f’każi fejn jieħdu żbalji ġenwini, bħal żbalji ortografiċi f’imejls, u qed jitnaqqsilhom il-performance bonus anke b’€50. Dan minbarra l-fatt li għandhom paga inqas mill-kollegi tagħhom li jaħdmu skrivanija ma’ skrivanija magħhom.  Dan iwassal biex iħossuhom mhux motivati u rrabjati. Din hija xi ħaġa li l-GWU ilha tisħaq fuqha li mhux ġust  li ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol, fuq l-istess bank, u jitħallsu pagi differenti. Ilhom snin jitolbu żieda fil-paga li tirrifletti r-responsabbiltà li għandhom iżda dan qatt ma sar.

Il-kumpanija Centrecom, minħabba li tipprovdi biss is-servizz, ma tkunx tista’ tilqa’ ċerti talbiet tal-ħaddiema, bħal f’każi fejn dawn jitolbu li jsir tibdil jew tiswijiet ta’ siġġijiet, imwejjed, eċċ. Hi tkun tista’ biss tgħaddi t-talba tagħhom lill-awtoritajiet, li sfortunatament qed jaqgħu fuq widnejn torox. Jiddispjaċihom jaraw quddiemhom il-ħaddiema taċ-ċivil jiġu moqdija għat-talbiet li jkollhom filwaqt li talbiet tagħhom qatt ma jiġu milqugħa.  Dan anke jmur kontra r-regolamenti tas-saħħa u sigurtà. 

Anke mil-lat ta’ sigurtà, dawn il-ħaddiema qegħdin jitolbu li l-persuni li jintbagħtu bħala securities f’dawn iċ-ċentri reġjonali,  jkunu ppreparati għal kull inkonvenjent li jinqala’, bħalma jiġri ta’ spiss. Dawn il-ħaddiema semmew kif ta’ spiss jiltaqgħu ma’ klijenti li jgħollu leħinhom, oħrajn isabbtu, u saħansitra jkunu aggressivi lejhom. Kien hemm każ fejn klijent daħal b’arma. Mhuwiex aċċettabbli li dawni l-ħaddiema jkunu f’riskju ta’ saħħa u sigurtà. Kien hemm każi fejn humajkollhom iqumu  jsikktu lil ċerti klijenti, jew jikkalmawhom, minflok il-persuni li jkunu inkarigati jaħdmu bħala securities.

Semmew ukoll il-fatt li qed tinkiser il-liġi fil-każ fejn jidħlu s-CCTV cameras li hemm imwaħħlin fiċ-ċentri reġjonali. Hekk kif filwaqt li dawn twaħħlu għas-sigurtà tagħhom, madankollu l-maniġment qed jużahom għal skopijiet oħra.

Irrakkontaw ukoll dwar il-każ tal-SOP’s li kienu ilhom ma jiġu updated mill-2019. Dan meta l-aġenti jiġu assessjati fuq xogħolhom billi jsegwu dawn l-SOP’s, u f’każ li jieħdu żball jirċievu dak li jissejjaħ ‘error’ u jitnaqqsulhom €50 mill-performance bonus. Madankollu filwaqt li l-‘errors’ baqgħu jinħarġu, il-kumpanija naqset milli tagħmel updates fuq dawn l-SOP’s. Kien proprju min-naħa ta’ aġent partikolari li ħa l-inizjattiva u ddeċieda li jibgħat imejl u jitteggja lil kulħadd biex isir update tal-SOP’s, li saru l-updates neċessarji.  

Dawn il-ħaddiema ġew organizzati mat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi minħabba l-livell għoli u professjonali li jagħtu.  Ammont konsiderevoli ta’ dawn il-ħaddiema membri avviċinaw lis-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-General Workers’ Union, Riccarda Darmanin u talbu li t-Taqsima tressaq u tinnegozja dawn it-talbiet mal-kumpanija biex jintlaħaq ftehim  

Matul dan kollu t-Taqsima għamlet talba biex tkun uffiċċjalment rikonoxxuta f’isem il-ħaddiema taċ-ċentri reġjonali iżda l-kumpanija qed tagħmel minn kollox biex ma tirrikonnoxix il-unjin u qed tagħmel ħafna manuvri ta’ ċaqliq ta’ ħaddiema. 

Is-Segretarju tat-Taqsima Riccarda Darmanin qalet li bħala taqsima ħasset il-ħtieġa li toffri l-appoġġ tagħha wara li semgħet it-talbiet tal-membri. Infatti diġà saret l-ewwel laqgħa mal-maniġment tas-Centrecom fejn iddiskutew ċerti problemi li tkellmu magħha dwarhom. 

“Aħna qed nagħmlu l-almu tagħna biex ngħinu nsolvu dawn is-sitwazzjonijiet partikolari. Filwaqt li nirrngrazzja lill-membri tal-appoġġ, nispera li nxddddddc jaħdmu flimkien għat-tijtjieb tal-pożizzjonijiet tagħhom,” tenniet is-Segretarja tat-Taqsima Riccarda Darmanin.

“Aħna m’aħniex ingergru dwar xogħolna. Xogħolna nagħmluh sew u minn qalbna. Iżda qegħdin nitolbu li l-GWU tirrapreżentana u tinnegozja f’isimna mal-maniġment biex ningħataw dak li ħaqqna!” qalu l-ħaddiema.