It-Taqsima Kimika u Enerġija fi ħdan il-GWU flimkien mal-kumpanija Baxter riċentament iffirmat Ftehim Kollettiv fuq bażi ta’ erba’ snin li permezz tiegħu se jkun hemm titjieb fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-impjegati tal-kumpanija.
Baxter hija kumpanija stabbilita f’Malta sa mill-1977, tipproduċi prodotti mediċi li jintużaw fl-isptarijiet madwar id-dinja inkluż l-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex. Il-kumpanija u l-GWU emfasizzaw l-importanza u l-ħtieġa li l-kumpanija tibqa’ kompetittiva filwaqt li ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-ħaddiema tagħha.
Is-Segretarju tat-Taqsima Rita Dimech sostniet li dan il-Ftehim se jsaħħaħ ir-relazzjonijiet industrijali li ilhom jeżistu bejn iż-żewġ partijiet għal bosta snin.
Dan il-Ftehm Kollettiv ġie ffirmat mid-Diretturi tal-kumpanija Baxter Christelle D’Amato u Melvin Vassallo flimkien mas-Senior Manager Human Resources Charif Sleiman. Is-Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija Rita Dimech flimkien mas-shop stewards Mario Camilleri u Mark Piscopo ffirmaw dan il-Ftehim f’isem il-ħaddiema tal-Baxter.