Written by Aħbarijiet, Artikli, Home, Il-Union

Grazzi Ħaddiem

F’Jum il-Ħaddiem niċċelebraw il-kontribut, il-ħidma u l-kisbiet tal-ħaddiema kollha irrispettivament mis-sess, razza, twemmin, kulur u reliġjon li jħaddnu. Din is-sena bħas-snin l-oħra qed niċċelebraw dan il-jum tant important għalina lkoll iżda b’differenza għax għat-tieni sena konsekuttiva taħt pandemija. Illum nixtieq infakkar fis-sagrifiċċji li għamlu l-ħaddiema kollha f’dan iż-żmien.

Il-ħaddiema kollha għal darba oħra ntalbu biex jagħmlu sagrifiċċju biex isalvaw il-post tax-xogħol tagħhom u ta’ sħabhom. Ħaddiema ntalbu li l-pajjiż għandu bżonnhom avolja taħt pandemija.

U l-ħaddiem sema’ s-sejħa tal-pajjiż u reġa’ qam għall-okkażjoni. Diversi ħaddiema ħadmu bla heda biex is-servizzi essenzjali jibqgħu għaddejjin. Ħaddiema oħra raw tnaqqis fid-dħul tagħhom. Oħrajn intalbu ma joħorġux mid-dar. Kollha kienu inkwetati kemm fuq l-aspett mediku kif ukoll fuq l-aspett ekonomiku tagħhom. Fil-fatt matul din is-sena rajna żieda qawwija f’ansjetà, stress u inkwiet ta’ x’ser jiġri għada. Rajna ħaddiema li marru oltre dak mitlub minnhom biex ma jintilfux l-impjiegi.

Fil-bidu tal-pandemija kont għedt li dan iż-żmien ser juri r-reżiljenza tal-GWU, id-dar naturali tal-ħaddiema. Meta nitkellem fuq il-GWU qed nitkellem mill-membru sa kull uffiċjal ieħor. U  matul dan iż-żmien ħarġet il-ħeġġa, il-konsistenza u l-kompetenza tal-uffiċjali tal-GWU. Il-kontribut kien wieħed sinifikanti biex flimkien nimmitigaw l-impatt tal-pandemija.

Il-ħaddiema apprezzaw il-mod kif ħdimna biex inkunu sodi iżda ġusti. Flimkien magħhom salvajna impjiegi, flimkien magħhom għamilna sagrifiċċji biex nilqgħu l-impatt. Għal darba oħra l-ħaddiem kien protagonist. Bħala sħab soċjali ewlieni u l-akbar rappreżentanti tal-ħaddiema ħdimna flimkien mal-Gvern u s-sħab soċjali oħra biex ngħinu f’dan il-mument.

Issa li wara 14-il xahar qed naraw xaqq ta’ dawl, il-ħaddiema ser jerġgħu jkunu protagonisti fl-irkupru tal-ekonomija tal-pajjiż. U hekk kif konna protagonisti u spalla ma’ spalla mal-ħaddiem matul iż-żmien tal-pandemija anke matul l-irkupru, kull uffiċjal tal-GWU, mix-Shop Steward sas-Segretarju Ġenerali ser ikunu hemm biex naraw li dak li ksibna flimkien matul iż-żmien jiġi rrispettat minn min iħaddem.

Mhux talli ser naraw li dak miksub ma jintilifx imma ħa naraw li d-dinja tax-xogħol il-ġdida tirrispetta d-drittijiet u d-dinjità tal-ħaddiema.

Il-GWU mill-ħolqien tagħha hi mibnija fuq il-ġustizzja soċjali, fuq il-valuri tas-solidarjetà, tal-ekwità, tal-ugwaljanza u tal-mobilità soċjali. Dawn il-valuri jridu jkunu l-qafas tad-dinja tax-xogħol il-gdida biex verament nirrispettaw id-dinjità tal-ħaddiem. Issa għandna opportunità unika biex l-iżbalji tal-passat jiġu rranġati,  ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur mhux bejn in-nisa u l-irġiel biss iżda bejn kull ħaddiem fl-istess post tax-xogħol, ir-right to disconnect, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-persuna, edukazzjoni ekwa, saħħa u sigurtà f’kull post tax-xogħol, dritt tal-privatezza. Fuq kollox nemmnu li d-dinjità fl-impjieg u d-dinjità tal-persuna ħolistikament.  

Il-ħaddiema jistħoqqilhom l-importanza fis-soċjetà tagħna għax xi kultant ninsew f’mumenti bħal dawn l-importanza tagħhom u narawhom biss bħala piż. Permezz tagħhom il-pajjiż mexa ʼl quddiem. Permezz tagħhom il-postijiet tax-xogħol kibru. Ma rridux ninsew illi biex kumpaniji jintroduċu servizzi ġodda għall-klijenti jrid ikollhom ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati u għalhekk nemmnu fil-ħtieġa tat-tagħlim matul il-ħajja.

Permezz tal-proposti tagħna li kontinwament inressqu nemmnu li meta l-ħaddiem jimxi ʼl quddiem anke s-soċjetà timxi ʼl quddiem.  Irridu nżommu f’moħħna li kulħadd għandu bżonn xulxin, flimkien nistgħu nimxu aktar pass mgħaġġel mingħajr ma ħadd jibqa’ lura.  Flimkien il-piż jista’ jinqasam b’mod ekwu. Jekk il-ħaddiem ma jkunx trattat tajjeb, motivat u rrispettat ma jistax ikun sodisfatt bix-xogħol tiegħu.

F’dan iż-żmien nedejna studju wkoll dwar il-living income. Dan qed nagħmlu għax nemmnu li issa huwa l-waqt biex nagħtu definizzjoni tagħha u nagħtu valur biex kull persuna tgħix ħajja diċenti. Nemmnu li b’mod xjentifiku għandu jiġi stabbilit livell ta’ dħul biex kulħadd jgħix ħajja diċenti. Jista’ jkun hemm ċirkostanzi, li mhux neċessarjament minħabba xi nuqqasijiet min-naħa tal-individwu jew tal-familja imma minħabba fatturi ekonomiċi u soċjali li m’għandhomx kontroll fuqhom. Qed nagħmlu dan għax nemmnu li f’soċjetà ekwa, kulħadd għandu dritt għal dħul xieraq biex jgħix ħajja diċenti.

Il-GWU dejjem imxiet mal-prinċipji progressivi, soċjo-ekonomiċi li ħaddnet mit-twaqqif tagħha anke jekk inkunu waħedna. Anke llum il-GWU dak li temmen fih ser twettqu għax nemmnu bis-sħiħ li qegħdin fin-naħa t-tajba tal-storja. Qed ngħid dan dwar il-konsultazzjoni tal-white paper imnedija mill-Gvern imsejħa, ‘Lejn it-Tisħiħ tal-Qafas Legali għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis. Bħala GWU aħna favur id-dekriminalizzazzjoni tal-użu tal-kannabis f’ammont żgħir u għall-użu personali. Rajna wisq ħaddiema li fuq sempliċi joint, spiċċaw akkużati quddiem il-Qrati Maltin. Qrajna biżżejjed sentenzi tal-Qorti fejn il-Ġudikanti stess ħeġġew lill-amministrazzjoni tal-pajjiż biex tikkunsidra emendi legiżlattivi iktar progressivi. Wisq żgħażagħ irvinaw ħajjithom b’xi ħaġa li għamlu fil-bluha ta’ żgħożithom. Dan qed ngħiduh b’responsabilità lejn il-membri tagħna u s-soċjetà li ngħixu fiha u għax xprunati mill-prinċipji ta’ ġustizzja, proporzjonalità, u d-dritt tal-għażla responsabbli u ħielsa tal-individwu.   

L-aħħar appell tiegħi jmur biex kulħadd jieħu l-vaċċin ħalli nipproteġu lilna nfusna u ta’ madwarna. Nemmen li flimkien nistgħu nagħmlu aktar differenza. Dan urejnieh waqt il-pandemija u nemmnu li anke wara l-pandemija kapaċi nagħmlu dan. Aħna ninsabu konvinti li dan kollu nistgħu nagħmluh għax nemmnu u ngħixu l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali, tal-ugwaljanza, tal-integrazzjoni u tas-solidarjetà. Flimkien magħkom inġeddu l-wegħda  tagħna lejn ħidma akbar mhux biss fil-postijiet tax-xogħol imma wkoll biex noħolqu soċjetà ġusta u ħanina.

Flimkien Miegħek!