Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Marittima u Avjazzjoni, Ospitalità u Ikel, Politika

L-ospitalità u l-avjazzjoni l-aktar li għadhom affettwati mill-pandemija

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja jgħid li l-vaċċin kontra l-Covid-19 jista’ jwassal għal irkupru fit-turiżmu.

Minn Claudio Coleiro

Is-setturi tal-ospitalità, l-avjazzjoni u d-divertiment huma l-aktar li għadhom affettwati mill-pandemija tal-Covid-19 tant li bosta kumpaniji għadhom qed iħaddmu b’kundizzjonijiet inqas.

Minn Marzu lil hawn, madwar 1,000 kumpanija ngħataw permess mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) biex b’mod temporanju jbiddlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol biex ikunu jistgħu jżommu l-ħaddiema tagħhom. Fil-preżent għad baqa’ 200 kumpanija li għandhom dan il-permess jiġi mġedded.

F’kummenti li ta lil Inewsmalta, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja sostna li għad baqa’ numru ta’ ħwienet u bars li għadhom magħluqa, iżda li xorta waħda għadhom jieħdu l-għajnuna mill-Gvern permezz tal-Covid Wage Supplement.

Enfasizza li: “Għandek ukoll lukandi fejn il-livell ta’ turiżmu huwa wieħed baxx ħafna, nipprevedu bejn 10% – 15%. Għalhekk huwa aktar diffiċli biex iżżomm l-okkupanza. Fejn hemm trejdunjin trid taħdem biex toħloq bilanċ. Il-ħaddiema jkunu aktar flessibbli, trid tara biex timlilhom il-ġurnata tax-xogħol u dawk li ma jistgħux jaħdmu jibqgħu jieħdu t-€800.”

“Fejn aħna rappreżentati, naħdmu ħafna mal-employers u r-rappreżentanti tal-ħaddiema biex anke fejn jidħlu doveri ġodda għall-ħaddiema, ngħinuhom ikunu aktar produttivi u effiċjenti f’dak li jagħmlu.”

“Żgur li d-diversi miżuri li daħħal il-Gvern fosthom il-Covid Wage Supplement għenu ħafna biex jiġu salvati l-impjiegi. Kellna ħafna postijiet tax-xogħol li bħala alternattiva kellhom li jew inaqqsu ġurnata jew inkella jkollhom ikeċċu lin-nies.”

Bugeja żied jgħid li l-GWU qiegħda tara kif se tiżviluppa s-sitwazzjoni fir-rigward tal-vaċċin tal-Covid-19 sakemm jerġa’ jibda jirpilja t-turiżmu. “Nittamaw illi fil-futur qarib inkunu ersaqna lejn in-normalità biex it-turiżmu jerġa’ jieħu spinta qawwija.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU temm jgħid li rridu nkunu ppreparati għal dinja tax-xogħol ġdida fl-istess waqt li naraw li l-liġi ġdida dwar ix-xogħol, li l-union qiegħda tisħaq fuqha, kemm jista’ jkun tidħol fis-seħħ.