Written by Aħbarijiet, Artikli, Il-Union, Professjonisti, Finanzi u Servizzi

GWU – Taqsima Professjonisti Finanzi u Servizzi

Il-Union għandha tmien taqsimiet u t-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi hija waħda minnhom. Din it-taqsima tipproteġi u tirrappreżenta ħaddiema professjonisti li huma membri tal-GWU. Dawn il-ħaddiema ġejjin minn;

  • Ħaddiema fil-banek u fis-settur finanzjarju bħal Borża ta’ Malta;
  • Ħaddiema fis-settur pubbliku mill-iskala 7 ʼil fuq;
  • Ħaddiema tal-awtoritajiet u l-Media sbħal PBS u One;
  • Professjonisti bħas-senior nurses, veterinarji u periti;
  • Servizzi oħra bħal dawk is-servizzi li huma mogħtija mid-Dar tal-Providenza, Gaming Companies, MTA, GRS, Malta Enterprise kif ukoll MATS;
  • Skrivani tal-kuntratturi bħal G4S, Kerber u Signal 8, Stewart Healthcare, JC Support JV u courier services.

Il-ħaddiema li jaqgħu taħt din it-taqsima huma fil-maġġoranza tagħhom klerikali, ħafna minnhom fi gradi ta’ maniġers u professjonisti. Hemm postijiet tax-xogħol fejn il-ħaddiema kollha huma membri mal-Union anke ħaddiema li mhumiex klerikali u industrijali bħal pereżempju l-messaġġiera u l-ħaddiema tal-manutezzjoni tal-banek. Din it-taqsima tirrappreżenta wkoll lis-Security Personnel ġewwa l-Bank Ċentrali. Kull ħaddiem li jaqa’ taħt din is-sezzjoni jista’ jidħol membru mal-GWU kemm jekk hu fuq bażi full time, part time, fuq kuntratt indefinit kif ukoll fuq kuntratt definit.

Rikonoxximent, x’inhu u kif jaħdem?

Kull organizzazzjoni li jkollha l-maġġoranza tal-ħaddiema membri mal-GWU (50% +1) il-Union tikseb rikonoxximent mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol (DIER). Jekk ikun il-każ li jkun hemm Union oħra li qed issostni li għandha l-maġġoranza d-Dipartiment jagħmel il-verifiki meħtieġa sakemm jiġi stabbilit liema Union tgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-ħaddiema.

Apparti minn hekk il-Union tista’ taqbeż għall-ħaddiem fuq bażi individwali wkoll. Dan isir f’każ fejn il-ħaddiem ikun sofra xi tip ta’ inġustizzja jew abbuż. Jista’ jkun ukoll li l-ħaddiem ikun jixtieq li ssir xi rappreżentazzjoni dwar ħtieġa partikulari u individwali.

X’jiġri wara li tiġi rikonoxxut?

  • Jinħatru rappreżentanti tal-ħaddiem;
  • Is-segretarju ta’ Taqsima jiltaqa’ man-nies u jibda jindirizza l-ilmenti tagħhom nies u jressaq proposti għat-titjib tal-kundizzjonijiet fil-post tax-xogħol;
  • Jibda negozjar dwar il-ftehim kollettiv li fih jiġbor id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema biex dejjem ikomplu jitjiebu. Dan il-proċess isir billi l-ewwel it-Taqsima tilqa’ l-proposti mingħand il-membri u wara tibda d-diskussjoni;
  • Wara li jingħalaq il-process ta’ diskussjoni, is-Segretarju ta’ Taqsima jitlob l-approvazzjoni tal-Ftehim;
  • Iżżomm djalogu kontinwu u kostanti bejn il-membri u t-tmexxija tal-post tax-xogħol;
  • It-Taqsima fi ħdan il-GWU tkun preżenti fejn jiġu proposti sensji u/jew trasferimenti kif ukoll tippreżenta u tiddefendi l-akkużat minn miżuri dixxiplinari;
  • Meta ħaddiema jidħlu membri jkollhom id-dritt jagħżlu li l-ħlas tas-sħubija jitnaqqas mill-paga tagħhom kull ġimgħa jew b’mod ieħor li jkun komdu għalihom.

Meta l-Union ma tistax tgħin?

Hemm sitwazzjonijiet fejn is-sezzjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tgħin;

  • Meta l-membri jkollhom problemi li jkunu ġraw qabel ikunu ssieħbu membri tal-Union.
  • F’sitwazzjonijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mar-relazzjonijiet industrijali bħal fil-każijiet li jkun hemm suspett ta’xi azzjoni kriminali.
  • Fil-perjodu tal-probation, il-union tista’ tassisti lill-membri f’kull aspett minbarra terminazzjoni qabel jispiċċa l-perjodu tal-probation. Dan huwa skont il-liġi tax-xogħol.

X’tagħmel il-GWU – It-Taqsima Professjonisti Finanzi u Servizzi

  • Tirrappreżenta l-Membri

It-taqsima hija entità essenzjali bejn il-membri u l-GWU. L-irwol tat-taqsima huwa li taħdem id f’id mal-membri sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. F’każ li l-membri ma jkunux qegħdin jiġu stmati kif suppost u d-drittijiet ta’ min iħaddem ma jkunux qegħdin jiġu rrispettati t-taqsima tidħol biex tirranġa l-affarijiet jew tista’ anke tqajjem għarfien nazzjonali.

  • Negozjar

Il-Union tiddiskuti ma’ min iħaddem biex jitjiebu l-kundizzjonijiet għal ħaddiema. Apparti minn hekk tipproponi wkoll proposti għall-baġit biex dejjem tkompli ssaħħaħ id-drittijiet tal-membri.

  • Sħab Soċjali Ewlieni

Inqajmu kuxjenza dwar kwistjonijiet, insaħħu l-kundizzjonijiet tal-membri u niġbru appoġġ għal kwistjonijiet lokali u internazzjonali.

  • Ġustizzja Ekwa u Ugwaljanza

Għajnuna lill-membri għall-ġustizzja u ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol u anke barra.  L-isfida kontra d-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza huma valuri importanti għall-Union.

Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti Finanzi u Servizzi

Is-segretarju ta’ din it-taqsima hija waħda miż-żewġ segretarji nisa li bħalissa hemm fil-Union. Jisimha Riccarda Darmanin li ġejja mill-qasam finanzjarju. Kienet impjegata għal tnejn u tletin sena mal-Bank of Valleta fil-grad Maniġerjali bħala konsulenta finanzjarja wara li għamlet ħafna żmien f’diversi fergħat u ċentri ta’ investimenti.

Riccarda kienet ilha żmien twil membru tal-grupp Committee tal-Bank of Valletta u kellha sehem attiv fin-negozjati tal-ftehim kollettiv.  Hija wkoll attendiet għal diversi konferenzi kemm Malta kif ukoll barra dwar diversi suġġetti l-iktar fil-qasam finanzjarju kif ukoll fid-drittijiet ċivili tant li bħalissa qed tagħmel kors l-Università ta’ Malta għal Diploma fil-Gender, Work and Society. Sentejn ilu ġiet nominata biex tkun is-segretarju tat-taqsima, liema nominazzjoni ġiet aċċettata unanimament mid-delegati tat-taqsima waqt il-konferenza. Riccarda hija membru wkoll tal-Executive Committee ta’ Eurocadres, li tirrappreżenta lis-settur Professjonisti u Maniġerjali ġewwa Brussels. Riccarda żżomm ruħha aġġornata ħafna fuq ġrajjiet kurrenti speċjalment fix-xena politika. Hi tħobb timxi, issiefer, taqra u anki tara l-films. Għandha ħafna għal qalba l-annimali speċjalment il-kelb tagħha Chevalier King Charles jismu Titch.  Hija wkoll tagħmel volontarjat mal-Community Chest Fund.

L-istorja ta’ din it-taqsima

It-taqsima oriġinarjament kien jisimha NACSS (National Association for Clerical and Supervisory Staff). Wara diversi tibdil legali l-kelma National inbidlet għal General. Minħabba f’hekk l-isem inbidel għal STPSA (Supervisory, Technical, Professional Staff Association). Riċentament l-isem reġa’ nbidel għal dak li nafuh illum PFS, Professjonisti Finanzi u Servizzi.

L-għan ta’ din it-taqsima kien li tieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-ħaddiema fl-oqsma klerikali però mal-medda taż-żmien meta l-ħaddiem Malti beda anki javvanza fil-karigi tiegħu t-taqsima bdiet tilqa’ maniġers u anke professjonisti li għalkemm storikament ma kinux jissieħbu f’Unions, issa qed iħossu l-bżonn biex jirrikorru għand il-Union għall-għajnuna.

Matul is-snin it-Taqsima ġabet ħafna titjib fl-oqsma tal-banek, media u diversi entitajiet oħra. It-taqsima dejjem timraħ f’postijiet tax-xogħol ġodda bħal kumpaniji ta’ IT u gaming, li qed jitfaċċaw sforz it-tibdil fl-ekonomija Malti.