Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Sal-aħħar tas-sena se jitressqu rakkomandazzjonijiet għal reviżjoni tal-paga minima

Twaqqfet b’mod uffiċjali l-Low Wage Commission li l-għanijiet tagħha huma li sal-aħħar tas-sena tagħti rakkomandazzjonijiet lill-Gvern biex ikun hemm reviżjoni relatata mal-paga minima f’pajjiżna.

Din il-Kummissjoni se tkun regolata b’liġi filwaqt li se tkun ippreseduta miċ-Ċermen tal-MCESD, il-Perit David Xuereb u mid-Deputat Chairperson, is-Segretarju Permanenti Mark Musu flimkien ma’ erba’ rappreżentanti tal-unjins u erbgħa rappreżentanti ta’ min iħaddem. Dan filwaqt li se jkun hemm rappreżentanti tal-Gvern u esperti oħra li għandhom ħafna x’joffru fejn jidħlu rakkomandazzjonijiet tekniċi li din il-Kummissjoni trid tagħmel. Is-Segretarju tal-General Workers’ Union Josef Bugeja se jkun qiegħed jirrappreżenta l-istess Union.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul qal li bħalma nafu lkoll, il-paga minima tiżdied kull sena permezz taż-żidied tal-għoli tal-ħajja. Madankollu l-verità hi li dawn iż-żidiet ma jiħdux inkonsiderazzjoni l-andamenti kollha fil-ħajja ekonomika u fis-suq tax-xogħol.

Kien għalhekk li fl-2017 kien ġie ffirmat ftehim storiku bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali fejn għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin il-paga minima għoliet b’mod li tmur oltre mill-COLA. Bħala parti minn dak il-ftehim kien ġie maqbul li tiġi ffurmata Low Wage Commission. 

Is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li “bħala Gvern ħassejna li kellna nagħtu l-għodda kollha lil din il-Kummissjoni biex taħdem. Għalhekk fil-liġi li se tiġi ppubblikata, għamilnieha possibbli li din il-Kummissjoni tku tista’ tingaġġa esperti li jkunu jistgħu jgħinuha biex tasal għar-rakkomdanzzjonijiet tagħha.” 

Huwa għamilha ċara wkoll li l-Gvern id-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu se jkun qiegħed jeħodhom. “Irridu nassiguraw li filwaqt li ma nitfgħux piżijiet kbar fuq in-negozji tagħna, kull ħaddiem ikollu dħul biżżejjed biex jgħix ħajja diċenti. Fi kliem ieħor l-ebda ħaddiem li jaħdem full-time f’pajjiżna m’għandu jkun f’pożizzjoni li ma jkollux dħul biżżejjed għall-affarijiet neċessarji,” qal Dr Ellul. 

Kien proprju għalhekk li twaqqfet din il-Kummissjoni biex tassigura li l-ħaddiema f’Malta jirċievu pagi ġusti li jirriflettu l-għoli tal-ħajja, il-bżonnijiet tal-familji tagħhom u wara kollox tirrikonoxxi l-valur tal-kontribuzzjoni li l-ħaddiema jagħtu lis-soċjetà filwaqt li teżamina r-realtà tas-setturi u n-negozji. 

“It-tħabbira tal-lum mhux biss hija pass importanti lejn ħolqien ta’ soċjetà ġusta, imma hija wkoll pass storiku fl-istorja tad-djalogu soċjali,” tenna s-Segretarju Parlamentari Ellul.