Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU tinsisti li jiddaħħal il-mekkaniżmu tal-COLA għal dawk vulnerabbli

Il-General Workers’ Union se tibqa’ tinsisti li jiddaħħal it-tieni mekkaniżmu tal-COLA sabiex jiġu megħjuna aktar dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, u kif ukoll li l-paga tkun ugwali għal impjiegi ta’ valur ugwali.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal dan f’kumment lil Talk.mt fejn afferma wkoll is-sodisfazzjon tal-Union li l-Gvern se jkompli jissussidja l-prezz tal-enerġija biex jgħin lill-familji u lill-postijiet tax-xogħol.

Huwa saħaq ukoll dwar il-fatt li l-mekkaniżmu preżenti ta’ kif jiġi stabbilit l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja għandu jibqa’ jiġi segwit, madankollu, il-GWU se tibqa’ tkun miftuħa għal diskussjonijiet futuri ma’ min iħaddem dwar kif tista’ tiġi mtejba s-sistema eżistenti.

Dwar dak li qal il-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana, nhar it-Tlieta li għadda dwar il-Budget 2023, Josef Bugeja esprima s-sodisfazzjon tiegħu li mhux se jkun hemm żieda fit-taxxi u li se jkun baġit ieħor soċjali li se jgħin lill-vulnerabbli u lil dawk li l-iktar għandhom bżonn.

Semma’ li l-GWU, bħalma għamlet fis-snin li għaddew, ressqet il-proposti tagħha li l qofol tagħhom huwa kif jistgħu jkunu megħjuna aktar il-ħaddiema u s-soċjetà inġenerali, u għal dan il-għan, il-GWU lesta li tikkollabora f’oqsma differenti mal-Imsieħba Soċjali.

Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja enfasizza li għandu jsir dak kollu possibbli sabiex it-taxxi dovuti u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, anki tal-imgħoddi, jinġabru kollha mill-Gvern, u għal dan għandhom isiru spezzjonijiet regolari mill-awtoritajiet kompetenti. Taħriġ li ġie assigurat li qed isir min-naħa tal-Gvern preżenti.