Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

L-ewwel ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Fondazzjoni Dar il-Hena

It-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi ffirmat ftehim kollettiv, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, mal-Fondazzjoni Dar il-Hena, liema ftehim jkopri l-perjodu 2022-2026. 

Dan il-ftehim jassigura titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fosthom pakkett finanzjarju aħjar u diversi benefiċċji oħra li jolqtu direttament lill-impjegati tal-Fondazzjoni. 

Il-ftehim f’isem il-GWU kien iffirmat minn Kendrick Bondin – Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Lawrence Bugeja – Assistent Segretarju tat-Taqsima u Anne Sciberras bħala r-rappreżentanta tal-ħaddiema. F’isem il-Fondazzjoni ffirmaw iċ-Chairperson Anthony Girard u l-Manager Ian Galea. Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja. 

Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Kendrick Bondin esprima sodisfazzjon għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim anke fid-dawl tal-ħidma li qed issir bejn diversi stakeholders li għandhom għan soċjali – dak li jilħqu nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom. 

“Din hija entità li tilqa’ nies kemm fuq bażi short-term u anke fit-tul u għaldaqstant il-ħaddiema jagħmu dan ix-xogħol minn qalbhom biex jgħinu lil dawn l-individwi,” qal Bondin. “Mhuwiex xogħol faċli. Il-ħaddiema huma dedikati ferm fejn iqattgħu ħafna ħin ma’ dawn in-nies.” 

Il-Fondazzjoni Dar il-Hena twaqqfet wara ħidma konġunta bejn il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Caritas Malta u l-Fondazzjoni Alfred Mizzi, biex jingħata kenn lil dawk li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom. Il-Fondazzjoni għandha tliet xelters, li tnejn minnhom huma ta’ emerġenza għal dawk li m’għandhomx residenza u t-tielet wieħed huwa xelter residenzjali fit-tul.

Is-Segretarju Bondin tenna li b’dan il-ftehim kollettiv “rajna d-dmirijiet li qed jilħqu l-ħaddiema u l-qalb soċjali tagħhom. Inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu nsaħħu lil din l-entità.”

Min-naħa tiegħu, il-Manager tal-Fondazzjoni Dar il-Hena Ian Galea qal li “din kienet inizjattiva tal-ħaddiema li jissieħbu fil-union. Il-ftehim kien wieħed mexxej ħafna fejn se jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Inħarsu ‘l quddiem li nkomplu nibnu fuqu u b’hekk inkomplu nissalvagwardjaw l-istandards tal-postijiet tax-xogħol tagħna.”