Written by Aħbarijiet, Artikli, Il-Union, Sezzjoni Internazzjonali

GWU – Taqsima Internazzjonali

Din it-Taqsima ġiet imwaqqfa fil-Kungress Nazzjonali li sar f’Ottubru ta’ 2017. Dawn wara li nħass il-bżonn li jkun hemm sezzjoni li tieħu ħsieb ir-Relazzjonijiet Internazzjonali filwaqt li tikkordina x-xogħol tagħha mat-taqsimijiet l-oħrajn kollha kif ukoll mal-Amministrazzjoni Ċentrali. Din is-sezzjoni tieħu ħsieb dak kollu li jmiss ma’ barra minn xtutna li jinkludu;

  • Affiljazzjonijiet Internazzjonali
  • Koordinazzjoni tas-safar tal-uffiċjali mill-GWU u Shop Stewards
  • Parteċipazzjoni b’mod sħiħ fil-Kumitat Ewropew Soċjali u Ekonomiku
  • Parteċipazzjoni li fihom jittieħdu deċiżjonijiet fuq il-ħaddiema fuq livell Ewropew u Internazzjonali

II-GWU hija affiljata mal-akbar Konfederazzjonijiet kemm fuq livell Ewropew (European Trade Union Confederation) kif ukoll fuq livell iktar wiesgħa b’mod Internazzjonali (International Trade Union Confederation). Barra minn hekk, il-GWU hija r-rappreżentant uffiċjali tal-ħaddiema Maltin kollha fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol. Waqt il-konferenza li ssir darba f’sena u ddum 15-il ġurnata jiġu diskussi temi marbuta mad-dinja tax-xogħol. Fil-konferenza jieħu sehem rappreżentanti mid-dinja kollha ta’ trade unions, għaqdiet ta’ min iħaddem u l-Gvern. L-uffiċjali tal-GWU jagħmlu dak kollu possibbli biex ikunu preżenti għal-laqgħat u jagħtu l-kontribut tagħhom fid-diskussjonijiet li jkunu qed isiru. Il-GWU tipparteċipa bil-vot tagħha fid-deċiżjonijiet li jkunu qed jittieħdu. Għal dawn il-laqgħat jattendu Uffiċjali mill-Amministrazzjoni Ċentrali jew s-Segretarju Internazzjonali.

Barra minn hekk it-Taqsimiet kollha tal-GWU huma affiljati mal-Konfederazzjonijiet li jirrappreżentaw is-setturi tagħhom fuq livell Ewropew u livell Dinji. Dan ifisser li kull Segretarju għandu rwol importanti f’dawn il-Konfederazzjonijiet fejn il-parteċipazzjoni hija waħda attiva ħafna. Il-GWU hija l-uniku Konfederazzjoni Maltija li tipparteċipa fuq dawn il-livelli. Is-Segretarji tat-Taqsima għandhom il-fakultà li jiddelegaw safar lill-uffiċjali oħra fit-Taqsima tagħhom biex b’hekk ikunu qed ikabbru aktar l-għarfien ta’ dawk li jagħtu kontribut fl-istess Taqsima biex ix-xogħol jitqassam aħjar.

Rwol ieħor importanti fit-Taqsima Internazzjonali hi li tibgħat Uffiċjali tal-Union kif ukoll Shop Stewards għal taħriġ barra minn Malta. Il-Union hija wkoll affiljata mal-European Trade Union Institute fejn dawn jorganizzaw ħafna taħriġ relatat ma’ suġġetti li jkunu qed jiġu diskussi fuq livell Ewropew. Ħafna minn dan it-taħriġ huwa akkredidat. Dawn il-korsijiet ivarjaw minn workshops ta’ jumejn sa korsijiet li jieħdu l-ġimgħat u għalihom japplikaw Unions mill-Ewropa kollha. Dan jagħti l-opportunità lil dawk li jattendu jieħdu l-perspettiva Ewropea fuq is-suġġett kif ukoll jibnu networks importanti li jistgħu jibqgħu jużawhom fix-xogħol tagħhom.

Is-Segretarju tat-Taqsima Internazzjonali, is-sur Jason Deguara ġie nominat mill-GWU biex ikun membru sħiħ fil-Kumitat Ewropew Soċjali u Ekonomiku għall-terminu ta’ ħames snin. Ħafna mil-laqgħat isiru fi Brussel fejn fihom jitlestew opinjonijiet fuq suġġetti diversi li wara jiġu mgħoddija fil-Parlament Ewropew għad-diskussjoni u l-implimentazzjoni tagħhom. Għalhekk l-importanza ta’ dan il-kumitat u s-sehem attiv tal-Union hu kruċjali biex jitwassal il-messaġġ tagħna fuq suġġetti li jkunu ħa jolqtu mill-qrib lill-Ħaddiema Maltin u Għawdxin fil-futur qrib. Il-Kumitat jikkonsisti minn tliet gruppi, grupp li jirrappreżenta lil min iħaddem, ieħor lill-ħaddiema u ieħor lis-soċjetà ċivili. Dan isir sabiex il-vuċi ta’ kull ċittadin tingħata l-attenzjoni meħtieġa tul id-diskussjoni kollha.