Written by Aħbarijiet, Artikli, Il-Union

Il-Fehmiet ta’ wħud mill-impjegati nisa tal-GWU dwar Jum il-Mara

Fl-okkazjoni ta’ Jum il-Mara, dan is-sit ħa l-fehma ta’ wħud mill-impjegati nisa tal-GWU dwar dan il-jum iddedikat lin-nisa kollha u l-irwol tagħhom ilbieraħ, illum u għada.

Josephine Spiteri

Il-mara, ilbieraħ, illum u għada, ir-rwol tagħha għadu importanti u ser jibqa’ importanti kemm fil-familja kif ukoll fis-soċjetà. Però ma tista’ qatt terġa’ tmur lura meta kien postha biss id-dar u tieħu ħsieb il-familja biss. Hija verità li mara aktar mir-raġel tieħu ħsieb lit-tfal għalkemm dan il-kunċett qed jinbidel xi ftit.  Jum il-Mara huwa tajjeb li jibqa’ jiġi ċċelebrat u mfakkar. 

Nixtieq però li nara aktar preżenza tan-nisa fil-politika, f’livell għoli f’postijiet tax-xogħol, fuq bordijiet fejn kontinwament jittieħdu deċiżjonijiet. Il-mara għandha moħħ biex taħseb u kapaċi tieħu d-deċiżjonijiet xi kultant aktar mill-irġiel. Naħseb f’Malta għadna ftit lura f’dan ir-rigward. Personalment l-irwol tar-raġel għadu wisq predominanti. 

Mhux qed ngħid li l-mara trid tkun aktar mir-raġel, imma almenu jridu jkunu ndaqs. Mhix biss kwistjoni li llum il-ġurnata l-mara bilfors trid tibqa’ taħdem biex familja tlaħħaq mal-ħajja u ma għandhiex għażla oħra. Huwa importanti li l-mara ma tkunx tiddependi mir-raġel speċjalment fejn jidħlu l-flus. Jien lit-tfajliet dejjem ngħidilhom, tgħallmu l-iskola, tkun xi tkun il-karriera li tintgħażel aħdmu ħalli ma tiddependu fuq ħadd f’ħajjitkom.

Maryrose Gauci

Snin ilu, il-mara kienet meqjusa biss biex tieħu ħsieb id-dar, ikollha t-tfal u trabbihom. Malli jiżżewġu, in-nisa kienu jieqfu jaħdmu u ma kinux jingħataw l-opportunità li jkomplu bil-karriera tagħhom. Il-mara ma kinitx tista’ tfendi għal rasha, anzi kienet finanzjarjament dipendenti għalkollox fuq ir-raġel tagħha.  Fil-fatt batiet ukoll minħabba li ma kienx ikollha bolol imħallsa tas-sigurtà soċjali u allura kienet tispiċċa bla pensjoni. 

Illum, is-sitwazzjoni għan-nisa nbidlet ferm. Il-mara żdidulha l-irwoli tagħha. Għalkemm għad għandha r-responsabbiltà li tieħu ħsieb id-dar u t-tfal, qiegħda taħdem ‘il barra mid-dar ukoll. Saret indipendenti u tgħin lill-familja finanzjarjament. Qegħdin naraw ukoll aktar nisa li jirnexxu fil-karrieri tagħhom u jidħlu għal karigi ta’ responsabbiltà. Dan ukoll għax isibu l-għajnuna tal-partner jew ir-raġel tagħhom u tal-ġenituri wkoll.  Iċ-Child care centres b’xejn kif ukoll Klabb 3-16 huma sostenn għan-nisa li joħorġu jaħdmu. 

Għad jonqos ħafna xi jsir għall-emanċipazzjoni sħiħa tal-mara u għall-ġejjieni nixtieq li jkompli l-għarfien dwar il-ħtieġa tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Kulħadd għandu l-ħila jirnexxi f’xogħlijiet u responsabbiltajiet differenti. L-edukazzjoni li jingħataw l-ulied hija ċ-ċavetta għal soċjetà aħjar, soċjetà li ma tiddiskrimina bejn ħadd.

Sa miċ-ċkunija tat-tfal, l-edukazzjoni fl-iskejjel m’għandhiex tiffoka biss fuq dak li hu akkademiku imma għandha tkun ukoll il-mezz li jwassal għall-iżvilupp tal-personalità biex is-soċjetà, partikularment ir-rwol u l-kontribut li jistgħu jagħtu n-nisa tkun dejjem aħjar u b’dinjità.

Riccarda Darmanin – Segretarja ta’ Taqsima 

F’ġurnata sabiħa ddeċidejt li noħrog ftit għax-xemx lil ommi li hija mara anzjana.  Wara dawra bil-karozza waqafna nieħdu kafè ġo ħanut rinomat. Ġiet fuqna tfajla u staqsietna x’ser nordnaw. Qbadna diskursata ma’ din it-tfajla fejn qaltilna li hija qed tistudja għal pilota u dak kien  ix-xogħol part time li jserviha biex ikollha xi ftit tal-flus ħalli kemm jista’ jkun ma tkunx ta’ piż fuq il-familja. 

Ħarist lejn ommi u lejn din it-tfajla u għaddieli l-ħsieb tal-mixja matul is-snin li kellha tgħaddi minnha l-mara.  Konna tliet ġenerazzjonijiet li nirrappreżentaw żminijiet diversi.  Ommi għexet żmien meta l-mara kienet titqies bħala inferjuri għar-raġel.  Postha kien meqjus biss għat-trobbija tat-tfal u biex tieħu ħsieb id-dar.  Kienet meqjusa bħala r-reġina tad-dar, reġina tal-isem għax fir-realtà ma kellha l-ebda leħen lanqas fejn jidħlu drittijietha.

Għalkemm kull mara kienet taħdem kemm fid-dar kif ukoll f’ċerti każijiet kienet  tgħin fin-negozju tal-familja, ma kinitx titħalla. Is-sistema patrijarkali fejn ir-raġel kien il-kap, kienet tagħmilha diffiċli biex in-nisa jkunu stmati  fuq l-istess livell ta’ żwieġhom.  Ħafna nisa għaddew minn tbatija kbira għax kienu jiddependu  bilfors mir-raġel biex iżommhom finanzjarjament. 

Fis-snin sebgħin, l-edukazzjoni bdiet titwessa’ u tinfetaħ u hekk taċċetta u tagħti opportunitajiet ġodda lill-mara. In-nisa bdew idumu aktar jistudjaw però xorta kienu limitati fejn tidħol għażla ta’  karrieri li setgħu jieħdu.  Spiċċa ż-żmien li mara riedet bilfors tirriżenja mix-xogħol meta tiżżewweġ u hekk in-nisa setgħu jkomplu bil-karriera tagħhom anke meta jkollhom it-tfal.  

Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar il-mara bdiet turi interess f’dak li jiġri madwarha. Però għalkemm ċerta liġijiet bdew jinbidlu u żdiedet l-awtonomija u l-inklużjoni tal-mara fis-soċjetà, xorta n-nisa baqgħu jbatu minn diskriminazzjonijet. Il-pagi tan-nisa baqgħu inqas minn tal-irġiel, nisa li jieqfu mix-xogħol biex irabbu lil uliedhom kellhom riskju li jgħixu fil-faqar meta jispiċċaw bil-pensjoni għax ma jkollhomx ħlas tas-sigurtà soċjali biżżejjed.  Il-famuż ‘glass ceiling’ li għalkemm mara tkun kapaċi,  xorta ssib xkiel biex tilħaq f’pożizzjonijiet li huma meqjusa tal-irġiel.  

Illum il-ġurnata, għalkemm għad fadal ħafna xi jsir, is-sitwazzjoni tal-mara tjiebet ħafna. Tfajliet ma jsibu l-ebda barriera għal għażla tal-karriera tagħhom. Bi pjaċir kbir naraw tfajliet aktar minn ġuvintur ilestu l-istudji tagħhom mill-Università u istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni terzjarja u jesploraw orizzonti ġodda anke barra minn pajjiżhom.  Nisa qed jiġu mogħtija opportunità li jagħtu sehemhom fil-politika fejn ikunu jistgħu jagħtu kontribut siewi speċjalment fejn jidħlu aspetti socjali u familjari. Il-piż tal-familja kulma jmur qed jinqasam bejn il-ġenituri u l-gvern qed jagħti sehmu wkoll billi introduċa diversi għajnuniet bħal child care centres b’xejn li qed jgħinu lin-nisa jkomplu bil-karriera tagħhom. 

Fadal aktar xi jsir biex nilħqu l-qofol tal-ugwaljanzi bejn is-sessi.  U hu hawnhekk li Jum il-Mara huwa importanti ħalli qatt ma nieqfu ntejbu s-sitwazzjoni ta’ kull mara. Jum il-Mara jrid ifakkarna kemm fl-affarijiet tajbin li saru sa issa kif ukoll f’oqsma oħra li għad irridu ntejbu bħal sitwazzjonijiet fejn nisa qed ibatu vjolenza domestika u nisa li fil-kwiet ta’ darhom għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji  biex ilaħħqu mal-ħajja biex ikollhom biżżejjed biex imantnu lil uliedhom. 

Jum il-Mara mhu bl-ebda mod biex nuru li l-mara trid tkun aħjar mir-raġel, iżda jum fejn kulħadd jifhem li dak li hu bi dritt għal kull raġel, il-mara kellha tiġġieled għalih. Irridu  naslu li ngħixu f’dinja fejn in-nisa u l-irġiel ikunu stmati u rrispettati fuq l-istess livell, xejn inqas u xejn aktar għax id-dinjità ta’ kulħadd hija importanti. Is-soċjetà tinħtieġ is-sehem u l-impenn indaqs tal-irġiel u tan-nisa. B’hekk biss tinħoloq l-ugwaljanza u  l-ġustizzja mixtieqa fir-relazzjonijiet taż-żewġ sessi fis-soċjetà moderna tagħna.

Romina Bonnici

Fortunatament, Jum il-Mara din is-sena għandu tifsira ferm akbar mill-imgħoddi partikularment mis-sentejn li għaddew minħabba l-pandemija tal-Covid-19 u r-restrizzjonijiet marbutin magħha li mhux biss illimitaw imma anki kkundizzjonaw ukoll sehem il-mara fis-soċjetà.

Spiss naqraw jew nisimgħu fl-aħbarijiet kif u kemm il-pandemija wasslet biex f’ħafna pajjiżi inkluż Malta, tiżdied il-vjolenza domestika f’kull forma tagħha, l-iktar f’dawk il-familji vulnerabbli. Dan juri li sfortunatament għad hawn irġiel li jemmnu li l-mara hija inferjuri għalihom, anki minkejja l-liġijiet li jeżistu għal sitwazzjonijiet bħal dawn.

Hemm ukoll l-isfruttament tan-nisa f’diversi postijiet tax-xogħol l-iktar fejn jidħol il-ħlas tal-paga u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għalhekk, f’dan Jum il-Mara, in-nisa li jaħdmu ‘l barra mid-dar jeħtieġ li jifhmu u jagħrfu aktar il-ħtieġa li huma wkoll jissieħbu fi trejdunjin biex id-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati u l-kundizzjonijiet tagħhom imħarsa.

In-nisa jridu jkunu huma li jaħtfu l-opportunitajiet li jeżistu fl-oqsma ekonomiċi u soċjali jekk iridu li tintemm id-diskriminazzjoni kontrihom u jitneħħew id-diżugwaljanzi li jeżistu fis-soċjetà.

Il-mara tal-lum hija differenti minn tal-bieraħ u għada tista’ tkun differenti minn dik tal-lum. Imma trid tkun hi li twassal il-vuċi tagħha għax għalkemm f’dawk li huma ħiliet hija kapaċi daqs l-irġiel, il-bżonnijiet tan-nisa madankollu huma differenti minn dawk tal-irġiel.

Il-mara Maltija, f’dawn l-aħħar snin imxiet sew ‘il quddiem u għamlet avvanzi kbar, għandha dinjità u qed tgawdi minn drittijiet u libertajiet li qabel ma kellhiex. Għalhekk issa sta għal kull mara li ssaħħaħ ir-rwol tagħha b’attiviżmu sħiħ kemm fis-soċjetà li hi parti minnha u anki fuq il-bank jew l-iskrivanija fid-dinja tax-xogħol.

Sylvia Psaila

Il-mixja tal-mara lejn il-progress soċjali u ekonomiku tagħha nnifisha ma kienx proċess faċli. Sa ftit snin ilu, l-importanza tan-nisa fil-ħajja ta’ kuljum ma kinitx rikonoxxuta kif kellu jkun, tant li f’ħafna drabi l-mara kienet użata u la kienet stmata u wisq inqas apprezzata.

Is-soċjetà kienet għadha wisq patrijarkali tant li ħafna drabi kienet tinħass insensittività kontra n-nisa f’ċertu setturi ekonomiċi u soċjali u qajla kont issib mara f’pożizzjoni ta’ tmexxija jew f’kariga fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Grazzi għall-bidliet u r-riformi li saru matul is-snin, speċjalment f’dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni tan-nisa fis-soċjetà bdiet tinbidel għall-aħjar. Illum in-nisa għandhom bosta opportunitajiet quddiemhom fosthom opportunitajiet li jibnu karriera anki jekk saħansitra hemm minnhom li huma miżżewġin u ommijiet.

In-nisa għandhom il-kapaċità li jagħmlu kull xogħol li jagħmlu l-irġiel, madankollu u sfortunatament għad hawn sitwazzjonijiet fejn in-nisa mhumiex stmati l-istess u ma jitħallsux l-istess ħlas daqs l-irġiel anki jekk qed jagħmlu l-istess xogħol.

Nemmen li għad fadal ħafna xi jsir biex il-kontribut soċjali u ekonomiku li jistgħu jagħtu n-nisa jkun apprezzat kif jixraq. Hemm bżonn li n-nisa jingħataw iktar spazju fid-dinja tax-xogħol fis-sens li jingħataw iktar flessibilità biex jibbilanċjaw il-karriera max-xogħol tad-dar u t-trobbija tal-familja.

Għad hawn każi fejn it-trobbija tal-familja hija obbligu tal-omm biss għaldaqstant jeħtieġ li l-irġiel jifhmu huma wkoll li għandhom l-obbligu li jaqsmu r-responsabbiltà fit-tmexxija u l-ħarsien tal-familja tagħhom.

Apparti hekk, id-dinja tax-xogħol illum m’għadhiex dik li kienet 15 jew 20 sena ilu u għaldaqstant hemm bżonn li jiġu aġġornati l-liġijiet sabiex id-disparijiet li għadhom jeżistu bejn is-sessi jiġu eliminati u b’hekk mhux biss tingħata iktar dinjità lin-nisa imma wkoll tikber l-importanza tar-rwol tal-mara fis-soċjetà.