Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Ikomplu d-diskussjonijiet dwar il-paga minima

Huwa importanti li jsiru diskussjonijiet kontinwi kif nistgħu ntejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini fis-soċjetà tagħna speċjalment ta’ dawk l-aktar vulnerabbli. Huwa parti minn djalogu soċjali b’saħħtu.

Il-GWU matul din is-sena pproponiet studju dwar in-National Living Income, li ġie ppreżentat kemm quddiem l-MCESD, kif ukoll lill-Partiti Politiċi. Il-GWU ħadet sehem b’mod attiv f’diskussjoni dwar it-tieni mekkaniżmu tal-COLA u matul din is-sena ltaqgħet mal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal dwar dan il-mekkaniżmu biex naraw nistgħux intejbu din il-miżura soċjali. 

Minn April, il-GWU kienet ferm attiva f’diskussjonijiet dwar il-paga minima. Diskussjonijiet li qed isiru fil-qafas tal-ftehim li kien ġie ffirmat mill-imsieħba soċjali, flimkien mal-partiti politiċi kollha. Il-ftehim jgħid li kull erba’ snin għandu jkun hemm diskussjoni biex naraw jekk il-paga minima għandiex tiġi riveduta.   

Fl-2018 inbdew dawn id-diskussjonijiet u matul dawn l-aħħar xhur intensifikaw. Saru diversi studji biex isiru dawn id-diskussjonijiet biex b’hekk inkunu nafu li l-paga minima u dawk b’paga baxxa jkollhom dħul diċenti li kulħadd li jixraqlu.

B’referenza għal dawk b’paga minima, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja aċċenna li dawn huma ħaddiema li mhumiex fi trejd unjin hekk kif dawk kollha fi trejd unjin ikollhom ‘il fuq mill-paga minima. “Bħala GWU nemmnu bis-sħiħ li l-paga minima għandha tiżdied. 

“Bħalissa ninsabu għaddejin bid-diskussjonijiet b’mod kostanti, kif qal il-Prim Ministru. Ninsabu fiduċjużi li nsibu qbil li jagħti sodisfazzjon. Bħalissa żmien sensittiv hekk kif qed nippruvaw nagħlqu u nsibu l-aħjar soluzzjoni. Dan qed nagħmluh għax nemmnu li ħaddiem għandu jkollu dħul xieraq u diċenti,” tenna s-Sur Bugeja.