Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Saħħet il-ħaddiem trid tkun imħarsa kullimkien

Kull ħaddiem għandu d-dritt li fil-post tax-xogħol fejn jaħdem ikollu l-ogħla livelli ta’ saħħa u sigurtà. Kundizzjonijiet tax-xogħol tajba ma jfissrux biss pagi tajba. Ifissru wkoll li l-post tax-xogħol ikun joffri ambjent seren, sistemi tax-xogħol tajba u ħarsien għal saħħet il-ħaddiem. Kull min iħaddem għandu obbligu li jara li l-ħaddiema jkollhom ħarsien sħiħ għal saħħithom u jittieħdu l-mezzi kollha meħtieġa biex dan iseħħ.

Huwa għalhekk li dan is-sit u l-General Workers’ Union b’mod partikolari jisħqu kontinwament fuq kemm huwa importanti li nsaħħu kemm nifilħu l-miżuri għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan jgħodd għal kull post tax-xogħol f’kull settur tal-ekonomija. Ma nistgħux nitkellmu dwar dan il-qasam għax-xogħol fil-kostruzzjoni biss li forsi ħafna jqisuh bħala s-sors ewlieni ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Kull post tax-xogħol inkluż fabbriki, stabbilimenti tal-catering, lukandi, sptarijiet u skejjel, f’kull post tax-xogħol irid ikun hemm livell ta’ protezzjoni għoli għall-ħaddiema kollha.

It-traġedja f’Kordin li ħasdet il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia flimkien ma’ numru ta’ inċidenti oħra fuq il-post tax-xogħol wasslet biex isiru aktar mistoqsijiet dwar il-qagħda tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Mistoqsijiet marbuta mal-ħidma li twettaq l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – l-OHSA, kif ukoll il-passi li qed jittieħdu minn kull min hu responsabbli f’kull post tax-xogħol biex titħares is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

Matul is-snin, anke permezz tal-ħidma tal-OHSA, sar xogħol estensiv biex jitjieb il-livell f’dan il-qasam iżda xorta naħsbu li għad hemm aktar li għandu jsir. Il-Gvern anke ħass il-ħtieġa li wara esperjenza ta’ 20 sena, jaġġorna l-Att li kien waqqaf din l-Awtorità u fil-fatt ħarġet White Paper dwar it-tibdil propost. Inħeġġu lill-Gvern jifli sew dak li ħareġ mill-konsultazzjoni pubblika u jimxi biex fl-iqsar żmien, l-Att il-ġdid jitressaq għad-diskussjoni u jgħaddi mill-Parlament.

L-infurzar li jsir huwa importanti ferm iżda l-infurzar, fosthom permezz ta’ spezzjonijiet mill-ispetturi tal-OHSA, mhux l-uniku mezz biex titjieb il-qagħda tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol.

Ma nistgħux ma ninnutawx li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena naqsu b’madwar 10% l-għadd ta’ inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol u kellna biss fatalità waħda meta s-sena l-oħra, fl-istess perjodu kienu mietu 9 persuni f’inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol. Jista’ jkun li ż-żieda fl-għarfien magħquda maż-żieda fl-infurzar bdew jagħtu r-riżultati li nixtiequ, dak li l-inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol u partikolarment l-imwiet jonqsu.

Waqt li ninnotaw b’sodisfazzjon dawn ir-riżultati ma jfissirx li ma fadalx xi jsir. Isiru kemm isiru spezzjonijiet mill-awtoritajiet konċernati, huwa importanti ferm ukoll li kull min ikun involut, kemm jekk post ta’ kostruzzjoni, kemm jekk fabbrika, uffiċċju jew kwalunkwe post tax-xogħol ieħor, ikun responsabbli ta’ għemilu biex jara li saħħtu u saħħet min jaħdem miegħu jkunu mħarsa.

Min iħaddem għandu r-responsabbiltà li jara li l-post tax-xogħol li jmexxi huwa l-ħin kollu sigur għall-impjegati tiegħu bħalma huma wkoll responsabbli dawk imqabbda apposta biex iħarsu s-saħħa u s-sigurtà. Anke l-ħaddiema nfushom iridu josservaw ir-regoli tas-saħħa u s-sigurtà biex la jweġġgħu u lanqas ipoġġu ħajjithom f’periklu. Bħala eżempju, jekk ix-xogħol tagħhom jitlob li huma jilbsu lbies protettiv, dan għandhom jagħmluh.
Nappellaw biex kulħadd ikollu għarfien sħiħ dwar l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Hawn tidħol ukoll il-parti edukattiva fejn mhux biss il-ħaddiema imma anke t-tfal u ż-żgħażagħ li għadhom telgħin is-sellum edukattiv għandhom ikunu mgħallma dwar dan is-suġġett. Konvinti li b’kultura fejn ikollna aktar għarfien dwar dan il-qasam naslu biex l-inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol u partikolarment il-fatalitajiet, inkomplu nnaqqsuhom u minn dan igawdi kulħadd.