Written by Aħbarijiet, Artikli, Il-Union

L-importanza li nipproteġu lill-ħaddiema

M’hemmx għalfejn tkun taħdem f’Union tal-ħaddiema biex tisma’ b’abbużi li jsiru f’diversi kumpaniji madwar Malta u Għawdex. Diversi sitwazzjonijiet li nisimgħu bihom iġgħeluna naħsbu jekk għandniex taħt ħakma barranija. Għaliex diversi kumpaniji jsibuha daqshekk diffiċli jsibu bilanċ ekwu bejn il-ħaddiema u dawk li jħaddmu? Toħroġ ukoll iżjed id-differenza fejn il-ħaddiema jkunu organizzati f’trade union u dawk li ma jkunux. Qishom jinsew li għandhom bżonn lil xulxin!

Mill-esperjenzja tagħna li bnejna matul is-snin f’diversi ħidmiet ma’ kull settur tal-ekonomija Maltija tgħallimna li kull settur għandu l-bżonnijiet tiegħu. Kull settur iġib sfidi differenti u l-istess nistgħu ngħidu għas-sapport u l-protezzjoni li jkollhom bżonn il-ħaddiema. Apparti minn hekk ix-xogħol tagħna jlaqqgħna ma’ diversi kumpaniji mill-istess settur però b’operat u proċessi differenti. Din hija xi ħaġa pożittiva ħafna għaliex id-diversità hija bżonjuża għas-soċjetà u għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Irridu nżommu f’moħħna ħaġa waħda biss, li r-rispett lejn il-ħaddiema huwa essenzjali fi kwalunkwe sitwazzjoni u u f’kull post tax-xogħol.

Ħafna kumpaniji jenfasizzaw ħafna fuq id-dmirijiet tal-ħaddiema lejn ix-xogħol tagħhom però ma jsemmux x’inhuma l-obbligi tagħhom lejn il-ħaddiema tagħhom. Ħafna industriji hawn Malta ma jistgħux jieħdu r-ruħ għaliex hemm diskriminazzjoni kbira bejn il-ħaddiema. Diskriminazzjoni mhux biss bejn ħaddiema Maltin u barranin, iżda bejn irġiel u nisa, ħaddiema fuq kuntratt definiti u kuntratt indefinit, ħaddiema tal-post u ħaddiema tal-kuntrattur. Sfortunatament il-maniġment jippreferi li ħaddiem imdejjaq jitlaq milli jippruvaw jikkomunikaw flimkien biex jilħqu soluzzjoni. Xi kultant il-maniġment jinsa li biex issib ħaddiem ġdid, tgħallmu u trawmu skont il-kultura tal-organizzazzjoni trid ħafna riżorsi kemm finanzjarji u anke dawk umani.

Xi kultant id-dinja tax-xogħol hija xi ftit jew wisq egoista. Xi kultant il-maniġment jistennew li l-ħaddiema jkunu motivati, jagħmlu xogħlhom u jitilqu lejn id-dar mingħajr l-ebda problemi. Xi kultant ninsew li ngħixu f’dinja ftit iżjed kumplessa minnhekk. In-nies għandhom moħħ biex jaħsbu u minn żmien għall-ieħor kulħadd jidħollu xi dubji.

Min iħaddem għandu jżomm komunikazzjoni attiva mal-ħaddiema kollha. Il-laqgħat mal-ħaddiema ma għandhomx isiru biss meta tkun ġrat xi ħaġa ħażina jew meta jkun hemm il-bżonn li jagħmlu xi biċċa xogħol ġdida. Il-laqgħat għandhom ikunu xi ħaġa frekwenti biex il-partijiet kollha jkunu jafu eżatt x’inhu jiġri. Tajjeb li min iħaddem ikun jaf x’inhuma l-isfidi li qed jiltaqgħu magħhom il-ħaddiema, forsi anke sfidi personali fejn il-kumpanija tista’ toffri sapport oltre. Kumpanija tista’ biss timxi ʼl quddiem jekk għandha team ta’ ħaddiema motivati, jafu eżatt x’inhu mistenni minnhom u jħossuhom rispettati. Ma fija xejn ħażin li naraw jekk il-ħaddiema tagħna għandhomx bżonn xi tip ta’ għajnuna barra l-post tax-xogħol, fl-aħħar mill-aħħar ħaddiem ma jistax jagħmel xogħlu sew jekk għandu affarijiet personali jtellfuh milli jagħti l-aħjar li jista’ fuq il-post tax-xogħol.

Diversi industriji għandhom bżonn titjib iżjed minn industriji oħrajn. Ejja nsemmu l-ħaddiema fil-gig economy. Kulħadd jara dawn il-ħaddiema ta’ tqassim tal-ikel jiġru ma kullimkien. Jagħmlu sigħat twal ta’ xogħol, jiġru minn kull restaurant sa kull klijent. Dawn ma għandhom l-ebda kundizzjoni ta’ xogħol u ħafna minnhom jaħdmu self-employed avolja skont il-liġi ma jistgħux. L-anqas ħaġa li min iħaddem jista’ jagħmel huwa li jurihom ftit rispett għax-xogħol kollu li qegħdin jagħmlu. Dawn il-ħaddiema għandhom familja u meta ħaddieħor ikun jiddeverti huma jkunu xogħol. Ħafna ħaddiema lanqas huma rreġistrati b’mod legali, la għandhom leave u lanqas sick leave, jispiċċaw ma jitħallsux meta jkunu ma jifilħux wara tant ġranet twal xogħol u lanqas ikunu intitolati għall-pensjoni minħabba li qatt ma jkunu ħallsu bolla.

Hemm bżonn li dan is-settur u oħrajn bħalu jiġu regolati b’mod immedjat. Aħna bħala GWU nagħmlu ħafna xogħol favur ħaddiema ddiskrimati, li mhumiex stmati sew u li d-drittijiet tagħhom mhumiex rispettatti. Għalhekk huwa essenzjali li kulħadd ikun f’Union. L-unità ġġib is-saħħa! Iżjed ma’ ħaddiema mill-istess kumpanija jkunu f’Union, iżjed jitjiebu l-kundizzjoni għaliex malli nofs il-ħaddiema (50% +1) jidħlu membri fi ħdan l-GWU, il-GWU tieħu r-rikonoxximent u tibda tiltaqa’ b’mod attiv mal-maniġment. Jibdew in-negozzjati tal-ftehim kollettiv biex jissaħħu l-istrutturi, l-kundizzjonijijiet u l-pagi.

Aħna ninkoraggixxu lill-kumpaniji jżommu lill-ħaddiema tagħhom motivati, jżommu kommunikazzjoni attiva, jkunu ċari dwar dak li qedgħin jistennew minn għandhom. Huwa important ukoll li l-ħaddiema jiġu rikonoxxuti tax-xogħol tagħhom u tar-riżultati li jakkwistaw. Meta ħaddiem iħossu sigur u rispettat jaħdem iżjed għal qalbu u jħossu iżjed responsabbli li għandu jagħmel xogħlu tajjeb. Fl-aħħar mill-aħħar il-ħaddiem għandu bżonn jaħdem biex jaqla’ x’jiekol, ma jaqbillux ma jagħmilx xogħlu sew.