Written by Aħbarijiet, Artikli, Ġranet Internazzjonali, Il-Union

Il-pazjenti morda bil-kanċer u l-familjari tagħhom

Illum hija l-ġurnata ddedikata lill-Jum Dinji tal-Kanċer. F’din il-ġurnata nenfasizzaw fuq kemm hu importanti illi nieħdu ħsieb lilna nfusna biex nipprevenu l-kanċer, nagħmlu t-testijiet neċessarji biex jekk hemm kanċer jinqabad kmieni u nieħdu t-trattament neċessarju. Il-kanċer mhuwiex faċli u l-vjaġġ huwa differenti u uniku għal kull pazjent. Huwa għalhekk importanti ħafna illi nisimgħu minn dak illi jgħidulna t-tobba u noqogħdu attenti għal xi sintomi jew uġigħ illi nħossu biex nagħtu informazzjoni korretta lil min ikun qiegħed jieħu ħsieb it-trattament tagħna.

Min ikollu l-kanċer u jkun għaddej bit-trattament ikollu bżonn ħafna għajnuna u sapport, però mhux il-pazjenti biss. Xi kultant ninsew lil bqija tal-familja illi joqogħdu mal-pazjenti speċjalment f’dan iż-żmien tal-pandemija illi huwa żmien iżjed diffiċli u ta’ sfida. Il-familja kollha għandha bżonn min jifimha biex flimkien jipproteġu lill-membru vulnerabbli.

X’jistgħu jagħmlu l-kumpaniji biex jissapportjaw in-nies vulnerabbli u l-familjari tagħhom?

Fl-intervista illi l-GWU kellha ma’ Martina Fenech tgħidilna illi ħafna kumpaniji fi żmien il-pandemija introduċew l-inizjattiva tal-work from home. Kull min hu għaddej bit-trattament kontra l-kanċer huwa ta’ benefiċċju kbir għalih u għall-membri tal-familja li jkollhom permess speċjali u jaħdmu mid-dar  kuljum u mhux biss fil-pandemija. L-istess xogħol jista’ anke jsir meta l-pazjenti jkunu fl-isptarijiet anke barra minn Malta għall-kura. 

Il-GWU tenfasizza illi l-kumpaniji għandhom dejjem jinkludu l-ħaddiema kollha anke dawk illi forsi neqsin mill-uffiċċju minħabba mard. Pazjenti għaddejjin mit-trattament tal-kanċer għandhom id-dritt jagħżlu jekk jixtiqux ikomplu jaħdmu jew le. 

Kumpaniji jistgħu anke jintroduċu inizjattivi bejn il-ħaddiema u joffru xi sigħat mil-leave tagħhom għall-ħaddiema sħabhom illi huma morda jew lill-familjari tagħhom.

Pazjenti studenti huwa bid-dritt illi jieħdu l-edukazzjoni intitolata għalihom. X’jista’ jsir biex meta jkunu għaddejjin bit-trattament ma jitilfux lezzjonijiet?

Martina tgħidilna illi meta hi kienet għaddejja bit-trattament kontra l-kanċer kellha tirrepeti sena skolastika. Hija ħadmet ħafna biex studenti oħrajn ma jgħaddux mill-istess sitwazzjoni u qabel il-pandemija nfetħet kamra fl-isptar fejn l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu x-xogħol tal-iskola. Fi żmien il-pandemija ħafna skejjel introduċew il-lezzjonijiet online u din kienet ta’ benefiċċju kbir għall-pazjenti żgħar biex ikunu jistghu jkomplu l-lezzjonijiet ma’ sħabhom. Martina tħeġġeġ biex kemm jista’ jkun l-iskejjel kollha jibdew joffru dan is-servizz u jibqa’ għaddej anke wara l-pandemija għaliex il-pazjenti tal-kanċer huma vulnerabbli kuljum u mhux fil-pandemija biss.

Martina żżid tgħidilna illi minħabba l-pandemija t-timijiet mediċi fl-isptarijiet qegħdin jagħmlu oltre minn dak illi titlob minnhom il-kariga tagħhom. Huma qegħdin ikun ta’ wens iżjed minn qatt qabel sabiex jissaportjaw lill-pazjenti illi jinsabu waħedhom fl-isptarijiet għaliex bħalissa ma jistgħux iżuruhom il-familjari tagħhom.

Fl-4 ta’ Frar bejn id-9am u s-1pm ser ikun hemm konferenza online fuq il-paġna tan-National Cancer Platform. Waqt din il-konferenza ser jissemmew sfidi illi qegħdin jgħaddu minnhom il-pazjenti tal-kanċer u l-familjari minħabba l-pandemija u kif nistgħu nagħmlu l-ħajja tagħhom ftit iżjed faċli.