Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Meta tara l-liġijiet ta’ kull pajjiż u kif jattwawhom tirrealizza li pajjiżna għandu liġi tax-xogħol avvanzata ferm

F’konferenza li ttellgħet fil-binja tal-GWU bħala parti mill-proġett WIN, proġett internazzjonali ta’ riċerka saret diskussjoni dwar il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet, qsim ta’ ideat u esperjenzi, biex jiżdied l-għarfien dwar l-importanza tal-informazzjoni u l-konsultazzjonijiet u l-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom fuq il-post tax-xogħol.

Dan il-proġett li qed isir flimkien ma’ unjins oħrajn u assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, b’sapport mill-Unjoni Ewropea huwa ta’ importanza biex iżid l-għarfien tar-rappreżentanti tal-postijiet tax-xogħol għall-prevenzjoni ta’ kunflitti waqt it-teħid tad-deċiżjonijiet.

Fid-diskors tiegħu l-Onorevoli Ivan Castillo qal li hekk kif ninsabu fir-raba’ revoluzzjoni industrijali, aktar kumpaniji qed iħarsu lejn id-diġitalizzazzjoni, lejn il-mod kif jistgħu jwettqu aktar, mod speċjali b’inqas, u dan jaffettwa lill-ħaddiem. 

“Meta qed nitkellmu dwar aktar parteċipazzjoni tal-ħaddiema f’deċiżjonijiet f’livelli għoljin, qed nipprovaw nevitaw konflitti li jġiegħluna nkunu inqas kompetittivi. Aħna nemmnu u nifhmu li fl-aħħar tal-ġurnata l-profitti jiddependu mill-ħaddiema u l-ħaddiema jiddependu wkoll mill-profitti biex ikunu jistgħu javvanzaw b’mod relatat,” qal l-Onor. Castillo.

Żied jgħid li sfortunatament jeżisti skills gap kbir f’pajjiżna li għandna dover li nidentifikawh u nikkontribwixxu għalih biex inċekknuh b’mod intelliġenti. Fejn huwa ta’ importanza li jikkontribwixxi għalih ukoll min iħaddem sabiex jgħaddi l-informazzjoni tiegħu dwar dak li għandu bżonn fl-industrija. Kif ukoll l-unjins. 

“Meta tara l-liġijiet ta’ kull pajjiż u kif jattwawhom tirrealizza li pajjiżna għandna liġi tax-xogħol avvanzata ferm. Għalhekk min iħaddem għandu dover li jikkontribwixxi u jara kif jagħmel biex iħalli lill-ħaddiema jipparteċipaw b’mod sħiħ fid-deċiżjonijiet, filwaqt li l-ħaddiema u l-unjins jaraw li l-ħaddiema jkomplu javvanzaw u ma jitilfux bl-ebda mod dak li akkwistaw b’mod responsabbli permezz ta’ WIN-WIN situation.”

Żied jgħid li bħala parteċipazzjoni għandna nkunu konxji minn xiex għaddejjin bħalissa fl-ambitu ekonomiku li jeżisti. Dak li nipproponu u nitolbu għandu jkun parti minna u ma nitfgħux lil min iħaddem dahru mal-ħajt.