Written by Aħbarijiet, Artikli, Bla Kategorija, Il-Union

B’mod ċar leħen l-edukaturi qed jgħidilna x’inhuma l-ostakli

Fl-istudju ppreżentat mill-Ministeru tal-Edukazzjoni l-ġimgħa l-oħra, irriżulta li ż-żieda ta’ studenti b’imġieba differenti fil-klassi u d-dixxiplina huma fost l-akbar sfidi li qegħdin jiffaċċjaw l-edukaturi fl-iskejjel tal-istat. Il-kelliem ghall-edukatturi fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU), Gabriel Pullicino, qal lil L-ORIZZONT li dan huwa studju importanti li għandhu jiġi attwat minħabba li b’mod ċar ħafna, leħen l-edukatur qiegħed jgħidilna x’inhuma l-ostakli.   

Bħala l-akbar Union f’Malta b’interess ġdid fis-settur edukattiv, il-GWU tħoss li hemm tliet punti importanti ħafna li ħarġu minn dan l-istudju u li għandhom ikunu ndirizzati mill-aktar fis possibbli. Dawn huma d-dixxiplina, ix-xogħol ta’ kitba (paperwork)eċċessiv u r-riformi.

F’waħda mill-mistoqsijiet mogħtija lill-kapijiet tal-iskejjel dwar iż-żamma tad-dixxiplina fl-iskola, aktar minn nofshom (53.4%) irrispondew li din hija ta’ sfida. Barra minnhekk, min-naħa tal-għalliema tal-Primarja, jiġifieri li fiha jattendu studenti bl-etajiet ta’ bejn il-ħames u l-10 snin, kważi kollha (90.5%) qalu li ż-żieda fl-ammont ta’ tfal b’imġieba differenti fil-klassi hija wkoll sfida li jridu jgħelbu waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom.

Il-mod ta’ kif il-bniedem iħares lejn l-awtorità nbidel…

Gabriel Pullicino qal li dawn iċ-ċifri juru kemm id-dixxiplina hija sfida ewlenija fil-klassijiet u fl-iskejjel. “Is-soċjetà ta’ kuljum qiegħda tinbidel u r-relazzjonijiet inbidlu wkoll. Dan ifisser li l-bniedem biddel il-mod ta’ kif iħares lejn l-awtorità. Din id-differenza qiegħda tidher b’saħħitha fl-iskejjel ukoll. Għalhekk hija mistennija li l-edukaturi jqisu d-dixxiplina bħala sfida,” kompla Gabriel Pullicino.

Ir-rappreżentant tal-edukaturi fil-GWU qal li biex din l-isfida tinbidel f’opportunità, huma jissuġġerixxu li l-edukaturi jingħataw is-sostenn kollu meħtieġ li jinkludi sapport soċjali u taħriġ marbut mal-eżiġenzi soċjali. Barra minnhekk, jingħad ukoll li għandhom jiżdiedu s-servizzi soċjali fl-iskejjel għall-istudenti.

It-tieni sfida għall-edukaturi li ilha tinħass għal dawn l-aħħar snin, hija x-xogħol ta’ kitba li jridu jagħmlu bħala parti mix-xogħol tagħhom. 89.3% tal-għalliema fil-Primarja qalu li l-assessjar, kitba ta’ kuljum, l-iskemi tax-xogħol tas-suġġetti kollha huma ta’ sfida kbira għalihom. Dan il-paperwork biex ma jitnaqqasx mill-ħin tal-lezzjonijiet, għal uħud mill-edukaturi sar piż wara l-ħin tax-xogħol minħabba li qiegħed jittieħed biex isir mid-dar.

“Bi qbil b’saħħtu, l-edukaturi qablu li l-akbar sfida li għandhom hija l-paperwork. Din tinkwetana ħafna għax minħabba dan ix-xogħol, l-edukaturi m’humiex ilaħqu jagħmlu ix-xogħol propju tagħhom. Anzi, ħafna drabi biex ilaħħqu jagħmlu kemm ix-xogħol amministrattiv kif ukoll dak marbut mat-tagħlim, qiegħed jkollhom ikomplu jaħdmu mid-dar,” spjega Pullicino.

Għall-GWU din hija sitwazzjoni inkwetanti għax bħala Union temmen li kulħadd għandu dritt igawdi l-ħajja tiegħu personali u familjari tiegħu. Min-naħa tiegħu Pullicino huwa konvint li jekk tali xogħol amministrativ jiġi ċċentralizzat u jiġu impjegati ħaddiema amministrattivi oħra, dan il-paperwork ikun jista jiġi pprejotizzat u mqassam b’iktar effiċjenza.

L-edukaturi għandhom ikunu involuti u kkonsultati”

  • It-tielet punt li s-sezzjoni tal-edukaturi fil-GWU tħoss li għandu jkun indirizzat huwa r-riformi fis-settur. Pullicino qal li, “l-edukazzjoni huwa settur dinamiku ħafna għalhekk kontinwament jkun hemm bżonn ta’ bidliet u riformi. Madankollu dawn il-bidliet joħolqu stress kontinwu fuq l-edukaturi. Għaldaqstant f’dan l-istudju l-edukaturi individwaw dawn ir-riformi bħala sfidi. Aħna nisħqu li l-edukaturi għandhom jiġu involuti aktar f’dawn ir-riformi u jiġu kkonsultati b’mod sħiħ”.
  • Il-Union qiegħda titlob dan biex l-edukaturi jkunu parti mir-riforma mil-bidunett u iħossuhom parteċipi fis-settur tal-professjoni tagħhom. Pullicino qal li huwa importanti wkoll li l-edukaturi jiġu mħarrġa b’mod sħiħ biex ikunu l-huma stess li jmexxu tali riformi.

Ir-rappreżentant tal-GWU qal li tali studju huwa ta’ importanza kbira għas-settur edukattiv lokali għax b’mod xjentifiku jitfa’ dawl fuq dawk l-isfidi li l-edukaturi jgħixu ta’ kuljum. Huwa sostna li dan huwa pass ‘il quddiem li l-Ministeru attwali qiegħed jagħmel biex flimkien mal-edukaturi u l-imsieħba l-oħra, nibnu edukazzjoni sostenibbli billi nsaħħu l-pedament tagħna, li huma l-edukaturi kollha.

Gabriel Pullicino temm billi nkoraġixxa biex ma narawx dan l-istudju bħala detriment jew bħala rapport skorraġanti imma bħala opportunità unika biex insaħħu l-edukazzjoni li hija l-qofol ta’ soċjetà b’saħħita.

Source: L-Orizzont – Carmen Cachia