Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU: 80 sena ta’ forza għal bidla pożittiva fil-pajjiż

It-80 sena li ilha teżisti l-General Workers’ Union uriet li hija dejjem kienet forza għal bidla pożittiva f’pajjiżna. Madankollu l-ħidma tal-union għad jonqosha ħafna biex tintemm. 

Dan kien il-qofol tad-diskors li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja meta indirizza l-għeluq tal-ewwel sessjoni tal-konferenza internazzjonali tal-union. It-tema għal din il-konferenza hija “GWU – Nibnu Futur Aħjar: Ħarsien Soċjali, Dinjità, Innovazzjoni u Sostenibbiltà.”

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, is-Sur Bugeja ta ħarsa lejn it-80 sena tal-eżistenza tal-union u fakkar li fl-4 ta’ Ottubru 1943 grupp żgħir ta’ ħaddiema mmexxija minn Reggie Miller ingħaqdu flimkien biex waqqfu din l-akbar organizzazzjoni tal-ħaddiema. 

Huwa kompla jgħid li llum qed niċċelebraw it-80 sena mit-twaqqif tal-union u ninsabu f’mument kritiku fil-mixja tagħna lejn il-progress soċjali, il-ġustizzja soċjali, l-inklussività u l-ugwaljanza.

“Matul l-aħħar 80 sena, il-GWU kienet vuċi soda għad-drittijiet tal-ħaddiema, il-ġustizzja soċjali u l-prosperità ekonomika u soċjali ta’ kull ċittadin f’Malta. Iġġilidna bla heda sabiex niżguraw li l-vuċijiet tal-ħaddiema jinstemgħu, id-drittijiet tagħhom ikunu protetti u d-dinjità tagħhom tinżamm,” qal is-Sur Bugeja.

Huwa żied li hekk kif qed jiġu mfakkra dawn il-kisbiet kollha, il-GWU qiegħda tagħmel dan b’sens ta’ kburija u sodisfazzjon. Kisbiet li jaspiraw biex b’impenn u b’lealtà lejn dawk il-prinċipji li dejjem ħaddnet il-GWU, inkomplu naħdmu bla heda u bla waqfien biex flimkien nibnu futur aħjar għal kulħadd.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li t-tema tal-konferenza hi xhieda tad-dedikazzjoni u lealtà lejn dak li jgħaqqad il-GWU mal-passat tagħha, mal-għeruq tagħha għall-ġid mhux biss tal-membri iżda taċ-ċittadini kollha ta’ Malta. “Il-persuna hi ċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni u kull azzjoni li nieħdu.” 

Huwa qal li d-dinjità hi dritt fundamentali li jrid jinfirex f’kull aspett ta’ ħajjitna, mill-post tax-xogħol sal-komunitajiet tagħna u n-nazzjon tagħna kollu kemm hu. 

Id-dinjità fuq il-post tax-xogħol tfisser li kull ħaddiem, irrispettivament mit-tip ta’ xogħol, mill-ħidma tiegħu, mill-isfond tiegħu, mill-orjentazzjoni sesswali jew reliġjon, jew ġeneru jew nazzjon, jistħoqqlu rispett, trattament ġust, u ambjent sigur li fih jaqla l-għajxien tiegħu. 

Hawn semma l-impenn li qed juri l-Gvern biex wara snin li l-GWU ilha tiggieled biex kull ħaddiem ikollu ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur, din il-liġi tidħol fis-seħħ. Bħalissa din il-liġi ġdida qed tiġi diskussa bejn l-imsieħba soċjali u l-Gvern. 

“Il-bażi ta’ soċjetà ġusta għandha tkun il-protezzjoni u l-ġustizzja soċjali”

Il-GWU temmen ukoll li l-bażi ta’ soċjetà ġusta għandha tkun il-protezzjoni soċjali u l-ġustizzja soċjali. Dan sabiex ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. “Għalhekk ukoll kburi b’rwol proattiv li ħadet il-GWU biex flimkien mal-imsieħba soċjali l-oħra, flimkien mal-gvern niddiskutu l-paga minima u dħul baxx. L-għan tagħna jibqa’ li niksbu għajxien xieraq mal-progress taż-żminijiet,” qal Bugeja. 

Kien hawn fejn enfasizza l-importanza ta’ djalogu soċjali b’saħħtu u effettiv bejn il-Gvern, trejdunjins u min iħaddem. Djalogu li hu fundamentali biex jitfassal il-futur tan-nazzjon tagħna u tiġi żgurata ħajja diċenti għaċ-ċittadini tagħna.

Huwa żied jisħaq li l-investiment ta’ Malta fil-ħarsien soċjali mhuwiex biss dmir morali imma wkoll wieħed ukoll strateġiku. Protezzjoni soċjali tibni r-reżiljenza fis-soċjetà tagħna u hi xhieda tal-impenn tagħna biex noħolqu soċjetà fejn kull individwu jkollu l-opportunità li jirnexxi.

“Nemmnu li r-rwol tal-General Workers’ Union għadu mill-aktar rilevanti, importanti u strateġiku fit-tkomplija tal-ħolqien ta’ soċjetà aktar ġusta, ugwali u inklussiva,” qal is-Sur Bugeja. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU rrefera wkoll għall-proposta tagħhom li kull ħaddiem ikun membru awtomatiku fi trejdunjin tal-għażla tiegħu. “Konna u għadna nemmnu f’din il-proposta,” qal is-Sur Bugeja. 

“Kollha smajna kif ħaddiema Maltin kif ukoll barranin jiġu mċaħħda mid-dritt ta’ rappreżentanza avolja dan huwa mnaqqax fil-kostituzzjoni ta’ Malta. Barra hekk din il-proposta għandha tagħti l-opportunità lil kull ħaddiem f’Malta jkun involut fit-tmexxija u jkollu vuċi fil-post tax-xogħol tiegħu.”

“L-inklużjoni u d-diversità huma l-pedamenti ta’ soċjetà ġusta”

Huwa kompla jgħid li l-GWU temmen li l-inklużjoni u d-diversità huma l-pedamenti ta’ soċjetà ġusta. “Nirrikonoxxu l-kontribuzzjonijiet uniċi li kull individwu jġib lin-nazzjon tagħna. L-inklużjoni tfisser li kull persuna, irrispettivament mill-isfond tagħha, tkun rispettata. Ifisser li nirrispettaw u ngħożżu d-diversità li tagħmilna aktar b’saħħitna.”

Dwar l-innovazzjoni, huwa qal li din għandu jkollha rwol ċentrali fil-ħolqien ta’ dinja ffukata fuq il-ħaddiema. L-innovazzjoni għandha tkun l-għodda li tissimplifika l-ħidma fuq il-postijiet tax-xogħol, ittejjeb is-sigurtà u l-kompetenzi tal-ħaddiema.

Min-naħa l-oħra, is-sostenibilità tissalvagwardja l-istabbiltà fit-tul ta’ dinja ta’ xogħol u ta’ Malta. Flimkien, l-innovazzjoni u s-sostenibbilità ghandhom jrawmu t-tkabbir ekonomiku u soċjali billi joħolqu impjiegi sostenibbli, jippromwovi enerġija rinnovabbli, proċessi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u infrastrutturi ekoloġici. 

“B’dawn l-elementi il-pajjiż jista’ jattira negozji li jagħtu prijorità lis-saħħa tal-ħaddiema u jrawwem ir-responsabbiltà lejn is-soċjetà u l-ambjent. Irridu nistinkaw għall-ekonomija li tkabbir tagħha jkun ta’ benefiċċji kemm għal minn jinvesti kif ukoll għall-ħaddiem u fejn id-distakk bejn dawk li għandhom u dawk li m’għandhomx ikompli jonqsu,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

“Il-GWU ser tkompli tkun xempju ta’ tama u progress għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin”

Huwa tenna li hekk kif qed inħarsu ‘l quddiem, irridu niftakru li l-futur huwa taż-żgħażagħ tagħna u ta’ wliedna. Irridu nkomplu nistinkaw biex inħallulhom soċjetà aħjar fejn id-dinjità, il-ħarsien soċjali, u l-ġustizzja soċjali mhumiex biss ideali imma realtajiet ħajja.

“Ejjew nerġgħu nimpenjaw ruħna lejn il-valuri li ggwidaw il-General Workers’ Union għal dawn l-aħħar 80 sena: is-solidarjetà, il-ġustizzja socjali, u d-dinjità. L-istess valuri li għaqduna flimkien, ikomplu jiggwidawna għal futur aħjar, ġust, ugwali u inklużżiv. Flimkien nistgħu nibnu Malta fejn ħadd ma jitħalla lura, fejn l-innovazzjoni sservi l-ġid komuni, u fejn is-sostenibbilità tiżgura għada isbaħ

“Nemmen b’qalbi kollha l-GWU ser tkompli tkun xempju ta’ tama u progress għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.