Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU tikseb rikonoxximent ewlieni tal-Border Control Officers

Il-General Workers’ Union kisbet l-għarfien ewlieni tal-Border Control Officers, li jaħdmu fis-servizz pubbliku. Dan wara li proċess ta’ verifika kkonkluda li l-union għandha fi ħdanha l-maġġoranza tal-impjegati li jaħdmu f’din il-kariga. 

Kienet il-GWU li nhar l-Erbgħa 13 ta’ April li għadda għamlet talba lil Ministeru kkonċernat sabiex tingħata l-għarfien ewlieni bħala l-unika unjin rikonoxxuta li tirrappreżenta lil dawn l-impjegati għal finijiet ta’ negozjar settorali. 

Id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) ġie infurmat rigward it-talba, kif ukoll li kien infurmat li fil-preżent kien hemm żewġ unjins rikonoxxuti fosthom il-GWU li jirrappreżentaw lill-impjegati ngaġġati bħala Border Control Officers. 

Għalhekk bħala parti mill-proċess dettat mil-liġi, ntbagħtet ittra mid-DIER lill-Ministeru kkonċernat biex jibagħtu l-lista ta’ impjegati. Fl-istess ġurnata ntbagħtet ittra mid-DIER lill-GWU sabiex huma jibagħtu lista tal-membri mħallsin u ‘proof of payment’.

L-union l-oħra kienet mitluba ikkonferma jekk tridx tibqa’ tirrappreżenta lil dawn l-impjegati u ntalbet tibgħat il-lista tal-membri mħallsin u proof of payment. 

Minn dan il-proċess ta’ verifika, ħareġ li l-GWU għandha l-appoġġ tal-maġġoranza tal-impjegati li jaħdmu bħal Border Control Officers u ngħatat l-għarfien ewlieni.