Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Ftehim kollettiv għall-impjegati amministrattivi u tekniċi tal-ITS

Il-General Workers’ Union laħqet ftehim mal-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) li jkopri l-impjegati amministrattivi u tekniċi fi ħdan din l-istituzzjoni edukattiva. F’dan il-ftehim li huwa b’seħħ mis-sena l-oħra u jiskadi fl-2026, qed ikunu stipulati d-drittijiet tal-ħaddiema, l-obbligi tagħhom u l-kumpens għall-ħidma kontinwa u professjonali tagħhom.

Il-ftehim f’isem il-GWU kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin, l-Assistent Segretarju tat-Taqsima George Zahra u r-rappreżentanti tal-ħaddiema Martin Fenech u Romina Chircop. F’isem l-ITS iffirmaw iċ-Ċerpersin Edward Zammit u l-Kap Eżekuttiv Pierre Fenech. Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.

B’dan il-ftehim kollettiv, il-ħaddiema membri tal-GWU se jgawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar fosthom titjib fil-pakkett finanzjarju. Is-Segretarju Bondin spjega li dan il-ftehim huwa l-pedament li se jkompli jsaħħaħ ir-relazzjoni ta’ bejn l-unjin bħala rappreżentant tal-ħaddiema u l-ITS.

Is-Sur Bondin irringrazzja lil kull min kien involut f’dawn in-negozjati għal komunikazzjoni u koperazzjoni kontinwa li dejjem kien hemm. Għaldaqstant huwa qal li jħares ‘il quddiem li jkompli jaħdem mal-ITS sabiex ikomplu jiġu msaħħa l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fi ħdan din l-entità.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li mumenti bħal dawn juru u huma l-quċċata tal-perseveranza tad-diskussjoni. Huwa spjega li l-ITS għandha rwol importanti ħafna bħala istituzzjoni edukattiva sabiex tissupplixxi kwalità fis-settur tat-turiżmu. “Dan il-ftehim jagħti bażi għall-futur. Huwa ftehim li jimmotiva lill-ħaddiema kollha,” qal is-Sur Bugeja.

F’kelmtejn li għamel il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo huwa wera l-apprezzament tiegħu għall-fatt li minkejja l-isfidi kollha, l-ITS għarfet tibqa’ għaddejja bil-ħidma tagħha.

“Qegħdin ninvestu fl-istudenti tagħna u anke biex il-kampus il-ġdid iseħħ. Se ninvestu wkoll fil-ħaddiema. Persuna li tkun apprezzata tagħti iżjed minn dak mistenni minnha. Il-qabża kbira li għamlet l-ITS fl-aħħar snin huwa grazzi għall-ħaddiema. Is-suċċess dovut huwa suċċess ta’ tim sħiħ,” qal il-Ministru Bartolo.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim filwaqt li enfasizza l-importanza li jsiru investimenti ta’ dan it-tip f’dak li huma riżorsi umani. Qal ukoll li dan il-ftehim se jwitti it-triq għal żvilupp akbar fil-ħiliet tal-ħaddiema.