Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Illum jiġi ffirmat il-ftehim dwar iż-żieda fil-paga minima

Wara li fl-aħħar jiem intlaħaq qbil dwar iż-żieda fil-paga minima, illum l-imsieħba soċjali flimkien ma’ rappreżentati tal-Gvern mistennija li jiffirmaw dan il-ftehim b’mod uffiċjali.

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Paga Minima Nazzjonali se tkun qiegħda tiżdied gradwalment kull sena għall-erba’ snin li ġejjin. Dan apparti ż-żidiet li ta’ kull sena jingħataw bil-COLA.

B’rabta ma’ dan il-ftehim, L-Orizzont tkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja li qalilna li huwa obbligu u dover tal-imsieħba soċjali li jaraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom dħul diċenti biex jgħixu ħajja diċenti.

Huwa rrikonoxxa li d-diskussjonijiet ma kinux faċli iżda fl-aħħar mill-aħħar intlaħaq ftehim u saret rakkomandazzjoni waħda – turija tal-importanza djalogu soċjali b’saħħtu. “Ħassejna li bħala msieħba soċjali huwa dover tagħna li ngħinu lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Bħala moviment ta’ trade unions konna front wieħed u ħdimna biex naslu għal dan il-ftehim tal-lum,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul sostna li din iż-żieda tirrifletti ħidmet il-Gvern biex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin u jippremja l-bżulija tal-ħaddiema Maltin. Huwa tenna li bħala Gvern qegħdin iwettqu wegħda elettorali oħra, fejn il-Paga Minima Nazzjonali se tkun qiegħda tiżdied bejn €12 u €18 fil-ġimgħa minbarra l-COLA sas-sena 2027.

Mill-1 ta’ Jannar 2024, il-paga minima ta’ kulħadd trid tiġi aġġustata għal €200.73ċ li biż-żieda tal-COLA għall-2024 se titla’ għal €213.54ċ. Dan ifisser li min b’riżultat tal-ftehim tal-2017, bħalissa għandu paga minima li tvarja bejn €192.73ċ u €198.73ċ fil-ġimgħa, fl-2024 se jkun qed jieħu żieda ta’ bejn €2 u €8 fil-ġimgħa apparti l-COLA statutorja għall-2024.

Min għandu paga li taqbeż il-€198.73ċ iżda mhux l-€200.73 fil-ġimgħa, jieħu d-differenza u magħha, il-COLA statutorja għall-2024.

Bejn l-2025 u l-2027 il-paga minima nazzjonali se togħla b’€10 oħra fil-ġimgħa (€3 + €3 + €4) minbarra l-COLA statutorja li trid tingħata għall-2025, 2026, 2027 rispettivament. Ir-rata fis-siegħa issa se tkun ta’ €5.34ċ. Bħalissa r-rata hi ta’ €4.82ċ.

Għaldaqstant, il-Paga Minima għal min għandu 18-il sena jew aktar, mis-sena d-dieħla ‘l quddiem se tkun kif ġej:

• 2024: €200.73 + COLA 2024

• 2025: €203.73 + COLA 2024 u COLA 2025

• 2026: €206.73 + COLA 2024, COLA 2025 u COLA 2026

• 2027: €210.73 + COLA 2024, COLA 2025, COLA 2026 u COLA 2027