Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid għas-support staff tal-BOV

Nhar it-Tlieta 30 ta’ Novembru, il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid mal-Bank of Valletta li jkopri r-relazzjoni ta’ ħidma ffirmat Ftehim Kollettiv ġdid għas-support staff tal-BOV għas-snin 2022-2024. Dan isegwi l-iffirmar ta’ ftehim simili f’Marzu li għadda li jkopri l-impjegati tal-bank f’kategoriji maniġerjali u klerikali. Il-ftehim ġie ffirmat fil-House of the Four Winds, il-Belt Valletta.

Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi, is-Sinjura Riccarda Darmanin irringrazzjat lir-rappreżentanti tal-Bank għall-koperazzjoni tagħhom f’dawn l-aħħar xhur u esprimiet sodisfazzjon għal dak li ġie milħuq għas-sapport staff. 

“Dan il-ftehim kollettiv jirrifletti r-realtajiet tal-lum. Il-GWU tieħu ħsieb li l-aspett finanzjarju tal-impjegati jkun jirrifletti l-ħidma tagħhom u d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum f’diversi rwoli u responsabbiltajiet li jaqdu.” Hija saħqet li bħala rappreżentanta tal-ħaddiema f’dan is-settur, il-GWU żżomm komunikazzjoni miftuħa u kontinwa mal-Bank u l-membri tiegħu.

Is-Sur Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta qal li dan il-ftehim huwa tragward importanti għall-bank.

“Fil-Bank of Valletta nirrikonoxxu l-importanza tan-nies tagħna u tal-funzjoni li jaqdu fi ħdan l-organizzazzjoni. Dan għaliex huma jirriflettu l-livell ta’ servizz li noffru lill-klijenti.” 

Huwa kompla jgħid li bħala rikonoxximent lejn l-impenn u l-kontribut tal-impjegati, din is-sena nedew Skema Volontarja ta’ Pensjoni għall-Impjegati (Voluntary Occupational Pension Scheme) li hi miftuħa għall-impjegati kollha li ilhom jaħdmu mal-bank minn tal-inqas sena. Saħħu wkoll bosta benefiċċji għall-impjegati fosthom titjib fil-kundizzjonijiet tas-self u l-introduzzjoni ta’ għotjiet finanzjarji sabiex l-impjegati jkomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom u b’hekk il-klijenti jgawdu minn servizz ta’ livell ogħla.

Il-GWU kienet rappreżentata minn Riccarda Darmanin, Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi, mill-Assistent Segretarju, Paul Micallef u Karen Abela, kif ukoll minn Alan Frendo bħala rappreżentant tal-impjegati. 

Il-Bank kien irrappreżentat mill-Kap Eżekuttiv, Kenneth Farrugia, minn Ray Debattista li qed imexxi d-Dipartiment tal-People & Change u Lawrence Schembri mill-istess dipartiment. Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta, Dr Gordon Cordina, kien preżenti għall-iffirmar tal-ftehim.