Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU sodisfatta bl-inizjattiva tal-Gvern għal traħħis fi prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel essenzjali

Il-General Workers’ Union tinsab sodisfatta bl-inizjattiva tal-Gvern li ħaseb biex ikompli itaffi aktar il-piż tal-għoli tal-ħajja permezz ta’ djalogu ma’ diversi importaturi u sidien ta’ supermarkets biex ikun hemm traħħis u stabbiltà fil-prezzijiet ta’ 15-il kategorija ta’ ikel essenzjali.

Permezz ta’ dan il-pass il-Gvern se jiggarantixxi li jorħsu l-prezzijiet ta’ madwar 400 prodott bi 15% mill-prezz li kellhom f’Ottubru li għadda u ma jkunx hemm żieda fil-prezz sal-baġit li jmiss.

“Ninsabu sodisfatti b’din l-inizjattiva li tfisser aktar għajnuna biex tinżamm il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema f’pajjiżna. Żgur li ma nistgħux ninsew ukoll is-sussidju fuq id-dawl, l-ilma, il-fjuwil u ċ-ċereali. Madankollu nirrakkomandaw li l-Gvern għandu jibqa’ viġilanti biex jara li ma jsiru l-ebda abbużi u f’każ ta’ dan ikun hemm pieni iebsin,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Żied jgħid li tajjeb li nfakkru l-proposta simili li l-GWU kienet għaddiet lill-Gvern qabel il-Baġit li għadda. Proposta għal stabbilità fil-prezzijiet tal-prodotti l-aktar mixtrija permezz tat-tnedija ta’ skema li biha l-importaturi ta’ oġġetti tal-ikel jingħataw l-opportunità li japplikaw għal self b’rata ta’ kreditu biex jixtru bl-ingrossa u għalhekk il-prezzijiet ikunu limitati u stabbilizzati.