Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU ddikjarat azzjoni industrijali mal-Fondazzjoni Dar il-Hena u ħarġet direttivi għall-ħaddiema

Il-General Workers’ Union iddikjarat azzjoni industrijali mal-Fondazzjoni Dar il-Hena (FDH), irreferiet il-każ għand l-OHSA u ħarġet direttivi lill-ħaddiema membri fid-dawl tan-nuqqas ta’ qbil f’laqgħa ta’ medjazzjoni quddiem id-DIER. Il-Fondazzjoni Dar il-Hena hija fondazzjoni bejn il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Caritas u Alfred Mizzi Foundation.

Il-GWU qiegħda tibqa’ tinsisti u tisħaq li s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol hija fundamentali. Li kontra dak li qabad iseħħ dan l-aħħar, irid ikun hemm minn tal-inqas żewġ ħaddiema f’dawn ix-xelters u mhux wieħed.

Għalhekk it-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi fi ħdan il-GWU qed tordna direttivi lill-ħaddiema li meta jkun hemm ħaddiem waħdu f’xift fil-binja taħt il-kappa tal-Fondazzjoni Dar il-Hena, il-ħaddiem għandu joħroġ ‘il barra mill-binja jekk jinqala’ xi inċident li jista’ jkun ta’ periklu għas-saħħa u sigurtà tiegħu. Filwaqt li jinforma lis-superjuri tiegħu bl-inċident.

Il-GWU irreġistrat din l-azzjoni industrijali li se tibqa’ fis-seħħ sakemm il-GWU tinnotifika li tiġi rtirata. Il-GWU ma teskludix li teskala l-azzjonijiet jekk din is-sitwazzjoni ma tiġix indirizzata.