Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

10 snin li fihom ġew introdotti biżibilju ta’ benefiċċji soċjali li qegħdin ikomplu jiġu mtejba

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU jelenka diversi riformi li saru fl-aħħar 10 snin

L-aħħar għaxar snin, mill-2013 ’il hawn kienu xhieda tat-trasformazzjoni kbira li għadda minnha pajjiżna f’oqsma kruċjali bħal-ma huma l-ekonomija u l-finanzi, il-qasam soċjali u d-drittijiet ċivili, l-ambjent u l-enerġija u s-saħħa tan-nies. 

Trasformazzjoni li mhux biss ibbenefika minnha l-poplu kollu kemm hu, imma aktar minn hekk, li mexxiet lil pajjiżna ’l quddiem u kompliet timmodernizzah b’mod li kważi ma jingħarafx minn kif kien għaxar snin ilu. Dan kollu juri l-viżjoni li kellu u għad għandu l-Gvern Laburista biex pajjiżna jkun imħejji sew għal dak li għad irid jiġi.

F’kummenti lil dan is-sit is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja qal li f’dawn l-aħħar għaxar snin saru bidliet kbar tista’ tgħid fl-oqsma kollha tal-ħajja f’pajjiżna, bħalma huma l-ekonomija u l-finanzi, benefiċċji soċjali, ix-xogħol u l-impjiegi, l-ambjent u l-enerġija, is-saħħa, libertajiet ċivili u ħafna oħrajn. 

L-andament ekonomiku kien tali li minn sitwazzjoni ta’ qgħad illum mhux biss għandna full employment imma li bosta postijiet tax-xogħol qed jibku għax ma jistgħux isibu ħaddiema biżżejjed.

F’dawn is-snin rajna wkoll jiġu introdotti biżibilju ta’ benefiċċji soċjali li minnhom qed igawdi l-poplu kollu. Dawn il-benefiċċji ma kinux ta’ darba biss imma qed jiġu mtejba sena wara l-oħra hekk li llum persuna li ma tistax taħdem minħabba diżabilita’ tingħata benefiċċju finanzjarju ekwivalenti għall-paga minima. Dan apparti iż-żidiet li ngħataw kull sena fil-pensjonijiet, fl-istipendji, children’s allowances u dawk li jrfidu jsiru sidin ta’ darhom.

Ma nistgħux ma nsemmux ukoll ir-riformi kbar li saru f’diversi oqsma fosthom il-libertajiet ċivili, il-liġi tal-IVF, id-divorzju u d-drittijiet ta’ persuni gay, governanza tajba, rule of law u t-trasparenza. Ma’ dawn nistgħu nżidu wkoll riformi oħra bħal meta l-Prim Ministru neħħa minn idu poteri li kellu fuq l- għażla tal-ġudikanti, il-Kummissarju tal-Pulizija u min isir President tal-pajjiż. Dawn ir-riformi kollha biddlu s-soċjetà Maltija kompletament.

Il-lista ta’ dak kollu li sar f’dawn l-aħħar għaxar snin fil-qasam tax-xogħol u l-impjiegi hija twila. Iddaħħlu liġijiet li kabbru l-aċċess għan-nisa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Ġew inkorporati liġijiet dwar il-ħaddiema tal-pjattaforma saħansitra minn qabel ma ddaħħlet id-direttiva kif ukoll id-daqqa li ngħata x-xogħol prekarju f’kuntratti ta’ servizz lill-Gvern. Grazzi wkoll għal riforma oħra, illum kuntratti ‘zero hour’ huma limitati biss għal studenti u għal xogħol relatat ma korsijiet. Insemmu wkoll id-dritt li ngħataw il-ħaddiema għal leave speċjali waqt li jkunu qed jieħdu kura medika. Fuq dawn ir-riformi u l-benifiċċji kollha pajjiżna nbena f’dawn l-aħħar għaxar snin. Dan seta jsir għax l-ekonomija ta’ pajjiżna kibret u ssaħħet b’mod li tagħti serħan il-moħħ lil kulħadd.