Written by Aħbarijiet, Home, Politika

Intlaħaq ftehim bejn il-GWU u d-Diriġenti tad-Dwana

Diversi Uffiċjali tad-Dwana ma kinux qegħdin jitħallsu skont il-ftehim kollettiv li kien intlaħaq f’Ottubru 2020 bejn il-partijiiet kollha rispettivi.

It-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi tirtira t-tilwima industrijali favur l-Uffiċjali tad-Dwana wara li ntlaħaq ftehim dwar ħlas ta’ diversi ħaddiema. Il-GWU tinsab sodisfatta ħafna fuq kif id-Diriġenti tad-Dwana ttrattaw is-sitwazzjoni li nqalgħat ftit tal-ġimgħat ilu fid-dwana.

Diversi Uffiċjali tad-Dwana ma kinux qegħdin jitħallsu skont il-ftehim kollettiv li kien intlaħaq f’Ottubru 2020 bejn il-partijiiet kollha rispettivi. Dawn l-istess membri tal-Union kollha għandhom l-istess irwol però kien hemm diskrepanza fil-paga.

Id-Diriġenti tad-Dwana ltaqgħu t-Tlieta, 9 ta’ Frar fil-Ministeru tal-Finanzi u Xogħol mal-Uffiċjali tal-GWU u ntlaħaq ftehim illi l-ħaddiema li għandhom l-istess responsabbiltajiet għandhom jitħallsu kollha l-istess.

L-irwol tal-GWU hija li tara li l-membri qegħdin jiġu stmati kif suppost u ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejniethom. Għal darba oħra l-GWU kisbet dak li hu bid-dritt għall-membri tagħha.