Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Importanza ta’ kuntatt kontinwu bejnietna

Fi żjara li għamel il-membru parlamentari David Agius fil-binja tal-General Workers’ Union, il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjonijiet Ewropej iltaqa’ mal-amministrazzjoni tal-GWU. Flimkien iddiskutew uħud mill-aktar suġġetti prinċipali f’pajjiżna bħalissa fosthom l-inflazzjoni, ix-xogħol, I-istituzzjoni Ewropea u l-ħaddiema barranin f’pajjiżna.

Iż-żewġ naħat qablu fuq il-fatt kemm hija ta’ importanza l-komunikazzjoni bejn il-membri parlamentari kemm f’Malta kif ukoll dawk Ewropej mas-sħab soċjali, il-kuntatt kontinwu u biex iż-żewġ naħat jaħdmu flimkien. 

Iddiskutew is-sitwazzjoni tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna li qed tolqot lil kuħadd. Issemmiet fosthom il-problema ta’ fair trading hekk kif qed jinħolqu monopolji li qed iwasslu għal greed inflation.  

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja aċċenna s-sitwazzjoni inkwetanti f’pajjiżna dwar in-narrattiva li qed tinbena li ħaddiema barranin huma ta’ piż.

“Bħala GWU ilna nitkellmu dwar l-isfruttament tal-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi. Dawn qed jispiċċaw jiġu abbużati minn min iġibhom. Iżda tajjeb ngħidu wkoll li hawn bzonn kbir ta’ ħaddiema f’diversi setturi tal-ekonomija fosthom dak tas-saħħa u tat-tindif. Huwa woll fatt li l-ħaddiema barranin f’pajjiżna huma ta’ benefiċċju kulturalment u għall-ekonomija tagħna,” qal Bugeja.

Il-membru parlamentari David Agius hawnhekk semma’ li għandu ħsieb li jżomm kuntatt kontinwu mal-GWU u jixtieq li permezz tar-relazzjoni bejnu u l-GWU għandhom jiffokaw fuq il-ħtieġa li jgħollu l-livell ta’ għajxien għall-ħaddiema kollha f’Malta u fuq l-oqsma soċjali.

Infatti id-diskussjoni primarjament ffukat fuq il-ħaddiema li se tkun it-tema prinċipali fil-kampanja tiegħu bħala kandidat għall-Parlament Ewropew. Ġew diskussi wkoll l-isfidi tal-ħaddiema llum u kif id-demografika tas-settur tal-ħaddiema inbidel u konsegwentament il-bidliet li ġabet magħha id-drittijiet li ovjament dejjem qegħdin jiżdiedu u jinbidlu.

Ġiet diskussa wkoll l-importanza li l-Parlament Ewropew jibqa’ jpoġġi primarjament fuq l-aġenda lill-ħaddiem biex dan ikun jista’ jwassal għal ekonomija aħjar, stati membri aħjar u fuq kollox malta aħjar.