Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU u l-PL jfakkru l-64 anniversarju mill-istrajk ġenerali tat-28 ta’ April 1958

Il-General Workers Union u l-Partit Laburista fakkru l-64 anniversarju mill-istrajk ġenerali li sar fit-28 ta’ April 1958.

Bħalma jsir kull sena, saret ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri fuq il-monument fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, liema mafkar jfakkar lill-“eroj” li kienu arrestati u ntbagħtu l-ħabs fl-istrajk.

Matul din iċ-ċerimonja, li għaliha attendew il-Prim Ministu Robert Abela, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri, il-President tal-GWU Victor Carachi, l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista u Żgħażagħ Laburisti, ġiet imfakkra il-qlubija tal-ħaddiema Maltin li 64 sena ilu taw bidu għall-mixja lejn il-ħelsien politiku, ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.

Din il-ġrajja hija importanti hekk kif tat bidu għat-talba tal-Indipendenza lil pajjiżna mill-Gran Brittanja u proprju għalhekk f’dan l-anniversarju ssir tislima lil dawn il-protagonisti ta’ Malta ħielsa.

Kien proprju l-Kunsill Nazzjonali tal-GWU, f’laqgħa li saret nhar il-25 ta’ April, 1958 li ddeċieda li l-GWU għandha ssejjaħ strajk ġenerali tlett ijiem wara. 

Fil-ġurnata tal-Istrajk minn filgħodu kmieni deher li l-ħaddiema kienu se jwieġbu bis-saħħa kollha għas-sejħa tal-GWU u dan meta l-pajjiż qam ipparalizzat. Kienu ħaddiema u ħafna żgħażagħ li wrew determinazzjoni liema bħala u mingħajr biża’ u b’militanza kbira ġo fihom ħarġu ma’ Malta kollha jipprotestaw. Biex din il-ġrajja storika tibqa’ tkun imfakkra, fit-28 ta’ April 2015, il-GWU kienet kixfet ukoll dan il-mafkar fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, wieħed mill-postijiet fejn kienu saru l-irvellijiet.