Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Healthmark tintroduċi kategoriji ġodda ta’ leave speċjali għall-impjegati tagħha fil-ftehim kollettiv ġdid mal-GWU

Kategoriji ġodda tal-leave speċjali, inkluż leave speċjali mingħajr ħlas fosthom għal attivitajiet filantropiċi volontarji ġew introdotti bil-għan li jgħinu lill-impjegati jlaħħqu ma’ sitwazzjonijiet li jġibu magħhom pressjonijiet miżjuda jew stress emozzjonali, fl-ewwel ftehim kollettiv iffirmat bejn il-General Workers’ Union u Healthmark Care Services Ltd.

Permezz ta’ dan il-ftehim se jkun hemm aktar struttura u dixxiplina għal kulħadd, għal aktar stabbilità professjonali. Fosthom fil-proċess tal-leave u fl-operat. Minbarra hekk ġiet proposta li jibda jingħata rikonoxximent tas-servizz lill-ħaddiema kif ukoll se jintagħżlu persuni fuq bord li se jkunu nominati mill-unjin u minn min iħaddem.

Il-ftehim kollettiv ġie ffirmat minn Kendrick Bondin, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi u l-Assistent Segretarju Lawrence Bugeja kif ukoll mix-Shop Steward Marilyn Ann Gauci. Il-ftehim ikopri l-perjodu bejn l-2023 u l-2027. Il-kumpanija Healthmark kienet rappreżentata mill-Kap Eżekuttiv Charlotte Sant Portanier, il-General Manager Charlo Farrugia, il-Head of Community Services Nakita Camenzuli u Raisa Rizzo, HR Manager.

“Dan il-ftehim kolletiv ġdid ippreżenta opportunità kemm għall-General Workers’ Union u kif ukoll għall-Healthmark biex flimkien dejjem inkomplu nassiguraw u nirristrutturaw il-kundizzjonijiet tal-impieg tal-impjegati tagħna,” qalet il-Kap Eżekuttiv Charlotte Sant Portanier.

Healthmark Care Services Ltd. flimkien mal-Ministeru għall-Anzjanità Attiva toffri għajnuna lill-anzjani fil-komunità permezz ta’ care workers kwalifikati li jżuru d-djar tagħhom fuq bażi miftiehma biex jipprovdu kompiti ta’ kura u/jew appoġġ. Dan ivarja minn ‘seduti’ qosra ta’ respite ta’ ftit sigħat, sa diversi żjarat kuljum fuq bażi fit-tul biex tingħata l-għajnuna u l-kura personali meħtieġa. Kull min ikollu bżonn l-għajnuna jista’ japplika mad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità li joffru diversi servizzi bil-għan li jgħinu lin-nies jibqgħu responsabbli minn ħajjithom għall-itwal żmien possibbli waqt li jikbru fl-età u, fejn possibbli, biex jikkontribwixxu għall-ekonomija u s-soċjetà tagħna.