Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Sodisfazzjon mill-imsieħba soċjali li bdew jiltaqgħu għand xulxin

Id-djalogu soċjali f’pajjiżna aktar kmieni ħa dimensjoni oħra meta għall-ewwel darba, il-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali – MCESD – ma saritx fejn il-Kunsill kien jiltaqa’ tradizzjonalment imma saret fil-kwartieri tal-General Workers’ Union.

Dan l-iżvilupp jixhed sinjali ta’ għaqda fost l-imsieħba soċjali li se jibdew jiltaqgħu għand xulxin. Dwar dan, dan is-sit ħa l-kummenti ta’ wħud mill-imsieħba soċjali li lkoll esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għal dan l-iżvilupp.

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja qal li għalkemm l-GWU laqgħet lill-imsieħba għal l-ewwel laqgħa ta’ dan it-tip, fiż-żmien li ġej se jkunu qegħdin isiru laqgħat tal-MCESD għand imsieħba soċjali oħrajn.

Bugeja kompla biex jgħid li dawn il-laqgħat għand xulxin se jkomplu jibagħtu messaġġ b’saħħtu ta’ kemm id-djalogu soċjali f’Malta huwa ħaj u anke dwar l-importanza li l-MCESD biex ikun ippjanat l-iżvilupp tal-pajjiż u li jiġu implimentati policies meħtieġa.

Il-Perit David Xuereb, Chairman tal-Kunsill, stqarr li l-MCESD għamel l-istorja billi l-imsieħba soċjali ingħaqdu kollha flimkien biex jiddiskutu suġġetti importanti għall-ewwel darba fid-dar ta’ waħda mill-imsieħba soċjali, li hija l-GWU. 

Irrimarka li l-imsieħba soċjali ġew milqugħin fil-GWU mhux biss b’mod professjonali imma wkoll billi rnexxielhom jiddiskutu kemm il-‘public procurement’ li huwa għal qalb l-imsieħba soċjali kollha kif ukoll il-ħiliet li pajjiżna għandu bżonn biex jiksbu l-ekonomija li verament irridu.

Huwa tenna t-twemmin tiegħu li l-laqgħa tal-bieraħ kellha impatt tant li l-frott tagħha se narawh iktar ‘l quddiem.

Dr Marthese Portelli, Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ,Intrapriżi u l-Industrija fissret li l-MCESD qiegħed hemmhekk biex jisma’ u jgħid dak li għandha tgħid is-soċjeta ċivili u għalhekk jiddiskuti suġġetti li huma rilevanti għall-pajjiż.

Hija qalet li kien iċ-Chairman, il-Perit David Xuereb li ħa d-deċiżjoni li nibdew niltaqgħu għand xulxin biex mhux biss biex nibdlu l-ideat imma wkoll inkunu qed nidħlu fid-dar ta’ xulxin. Din hija idea tajba għaliex finalment il-pajjiż igawdi iktar ma naħdmu ma’ xulxin fi spirtu kollaborattiv.

Paul Abela, President tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji ddeskriva l-laqgħa tal-bieraħ tal-MCESD fil-bini tal-GWU bħala waħda storika billi hi l-ewwel darba l-MCESD iltaqa’ għand waħda mill-imsieħba soċjali.

Żied jgħid li din kienet esperjenza pożittiva u filwaqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu rringrazzja lill-GWU għal ospitalità tagħha u qal li jittama li dan il-proċess li l-imsieħba soċjali jiltaqgħu fil-bini ta’ xulxin jitkompla.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul qal li huwa importanti li l-MCESD ikompli jiddiskuti suġġetti li jolqtu lill-imsieħba soċjali, imma wkoll lill-poplu inġenerali b’mod dirett. Sostna li l-fatt li qed jiltaqgħu għand wieħed mill-imsieħba soċjali, jiġifieri l-General Workers’ Union, huwa pass ieħor sinifikanti f’dan il-kuntest. “Inħares ´il quddiem biex din il-prassi tkompli tiftaħ l-MCESD u ssaħħaħ l-aspett ta’ kollaborazzjoni bejn l-imsieħba soċjali”, temm jgħid Ellul.