Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU f’laqgħa mal-Membru Parlamentari Oliver Scicluna

Il-General Workers’ Union (GWU) kellha laqgħa kordjali mal-Membru Parlamentari tal-Partit Laburista Oliver Scicluna. Waqt din il-laqgħa, li fiha attendew is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, il-President Victor Carachi u d-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri, ġew diskussi diversi temi importanti li jimpattaw il-ħaddiema fosthom is-saħħa mentali (mental health wellbeing), id-dritt tal-assoċjazzjoni u l-ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur.

Iż-żewġ naħat qablu li dawn huma temi importanti għal diversi raġunijiet. Fil-fatt bħala GWU ilha żmien twil tisħaq li l-benesseri u s-saħħa mentali tal-ħaddiema għandhom jiġu protetti tant li anke kienet iddikjarat li taqbel mal-kunċett ta’ Right to Disconnect, fost l-oħrajn.

Waqt il-laqgħa, Bugeja saħaq li l-kunċett dwar is-saħħa mentali huwa tassew ta’ prijorità u jinsab fuq l-aġenda. Filwaqt li rrikonoxxa l-fatt li l-Gvern qed jagħti l-għajnuna lil dawk il-ħaddiema li ġew imwaqqfa milli jagħmlu xogħolhom, innota li hemm eluf ta’ ħaddiema li ma jafux x’se jiġri meta jieqaf il-Covid Wage Supplement.

Waqt il-laqgħa ġie diskuss ukoll id-dritt tal-assoċjazzjoni. Il-Membru Parlamentari Scicluna qal li hemm kumpaniji privati li l-ħaddiema tagħhom m’għandhomx aċċess għal union u staqsa jekk hix permessibbli li bħala ħaddiem, jekk ikun irid, jiġi mċaħħad milli jagħmel dan.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali Bugeja spjega li l-ILO tgħid li ma tistax tobbliga impjegat li jkun imsieħeb f’union speċifika imma li tgħidlu jħallas biex ikun f’union tista’. Qal li mbagħad ħareġ dak li jgħidulu d-dritt tal-assoċjazzjoni.

Żied jgħid li mbagħad hemm element li jrid jiġi indirizzat fir-rigward tal-fatt li ta’ 16-il sena tista’ tivvota imma ma tistax tissieħeb f’union mingħajr il-permess tal-ġenituri. Qal ukoll li jafu fiċ-ċert minn sondaġġ li sar li hawn 15% tal-impjegati, jekk jiġu avviċinati u ma jiġux imfixkla, jidħlu f’union.

Waqt il-laqgħa ġie wkoll diskuss il-fatt li jkun hemm wisq abbużi u diskriminazzjoni lejn min mhux organizzat fi ħdan trade union. Ġie wkoll diskuss il-kunċett ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur li huwa pass ieħor lejn il-qerda ta’ xogħol prekarju u inugwaljanzi.

Source: inewsmalta.com

Photos: Alan Saliba