Written by Aħbarijiet, Artikli, Home, Il-Union

Messaġġ tal-President tal-GWU Victor Carachi għal Jum il-Ħaddiem

Din is-sena wkoll, sfortunatament bħas-sena l-oħra, ma nistgħux niċċelebraw Jum il-Ħaddiem kif jixraq u kif konna mdorrijin nagħmlu. Il-pandemija tal-Covid 19 kellha effetti kbar mhux biss fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna imma wkoll fil-mod ta’ kif ngħixu.

L-esperjenza tal-pandemija li għaddejjin minnha biddlet ukoll u bla ma konna qed nistennew il-mod ta’ kif naħsbu u kif naġixxu. Pandemija li l-effetti diżastrużi li ġabet magħha huma bil-wisq agħar minn kriżijiet oħra li dinja ffaċċat minn wara t-tieni gwerra dinjija ‘l hawn.

Tant huma kbar l-effetti tal-pandemija li kważi kulħadd u kull settur tal-ħajja, b’xi mod jew ieħor sofra u għadda minn żminijiet xejn sbieħ. Minkejja dan kollu, l-impatt fuq il-qasam soċjali u dak ekonomiku, speċjalment il-qasam tax-xogħol u l-impjiegi stajna nilqgħu għalih bil-miżuri f’waqthom li ttieħdu. Pajjiżna rnexxielu jiffaċċja b’mod aħjar ferm minn pajjiżi oħra li raw l-ekonomija tagħhom titħarbat u tinżel għarkupptejha bl-ikbar vittmi kienu l-ħaddiema u l-għajxien tal-familji tagħhom. F’pajjiżi oħra rajna    anki familji sħaħ fil-kju jittalbu l-ikel.

F’Malta dan ma ġarax. Ma ġarax mhux b’kumbinazzjoni imma għax kellna ekonomija b’saħħitha li setgħet tilqa’ għall-impatti diżastrużi li ġabet magħha l-pandemija. Dan ma kienx ikun possibbli li kieku l-Gvern fis-snin li għaddew ma ħasibx biex jibni ekonomija robusta u reżiljenti. Ma kienx ikun possibbli għal pajjiżna li jżomm bilanċ bejn is-saħħa tan-nies u l-ekonomija nazzjonali.

Kieku pajjiżna f’dawn l-aħħar snin ma kellux ekonomija reżiljenti ma kienx ikun possibbli li l-ħaddiema jibqgħu fl-impjieg tagħhom. Lanqas kien ikun possibbli għal ħafna negozji li jibqgħu joperaw. Il-wage supplement u l-vouchers kienu strumentali biex ġew salvati eluf ta’ impjiegi. Ma’ dawn ma nistgħux ma nsemmux ukoll il-ħafna miżuri soċjali li ddaħħlu favur il-familji l-iktar dawk vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Dan kollu seta’ jsir għax kellna Gvern għaqli li ħaseb u refa’ għal meta niġu bżonn. Għax bena ekonomija b’saħħitha u żamm il-finanzi fis-sod.

Jidher iżda li bil-mod il-mod qed negħlbuha din il-pandemija u jekk nibqgħu viġilanti, nobdu d-direttivi li jagħtuna l-awtoritajiet tas-saħħa u nieħdu ħsieb xulxin kif għamilna s’issa, ma ndumux ma nerġgħu niġu għal li konna qabel anki jekk b’differenza.

Għalhekk hemm bżonn li jitkompla s-suċċess li ksibna bil-programm ta’ vaċċinazzjoni tan-nies. Hawn ukoll konna ferm aħjar minn pajjiżi oħra Ewropej li għadhom jissieltu sal-lum biex jiksbu vaċċini kemm għandhom bżonn biex ilaqqmu l-poplu tagħhom.

F’dan il-qafas kollu, l-għaqda nazzjonali hija kruċjali u essenzjali. Hija kruċjali mhux biss biex inkomplu niġġieldu l-pandemija imma wkoll biex inkunu poplu aħjar. Hija wkoll essenzjali biex inwarrbu minn fostna dak kollu li jifridna. F’dan il-kuntest, bħala GWU aħna nemmnu li għandu jispiċċa ż-żmien fejn jiġi attakkat il-messaġġier u mhux il-messaġġ.

Kien għalhekk li l-General Workers Union faħħret u appoġġjat b’kull qawwa u mod l-isforzi u l-inizjattivi kollha li ħa l-President tar-Repubblika, Dr George Vella, sabiex jerġa’ jinstiga l-Konvenzjoni Kostituzzjonali lejn it-Tieni Repubblika. Irridu nkunu għaqlin biżżejjed li kulħadd jagħraf il-ħtieġa li l-Kostituzzjoni tagħna għandha bżonn li tiġġedded biex tirrifletti r-realtajiet tal-lum.

Pajjiżna għandu jibqa’ jkollu Kostituzzjoni li tixraqlu. Kostituzzjoni li tiġbor fiha x-xewqat, l-aspirazzjonijiet u l-ambizzjonijiet tal-poplu kollu. Għalhekk il-Konvenzjoni Kostituzzjonali hemm bżonnha. Jekk jirnexxielna nagħmlu dan ilkoll flimkien inkunu għamilna passi kbar ‘il quddiem lejn l-għaqda nazzjonali.

Irridu wkoll insaħħu d-demokrazija. L-ewwel passi diġà ttieħdu sabiex jirriformaw l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Għandna nammettu bla passjoni politika li saru riformi bla preċedent. Ġie riformat il-mod u l-proċess ta’ kif jinħatru l-gudikanti, il-mod kif ġew isseparati d-doveri tal-Avukat Ġenerali mid-doveri tal-Avukat tal-Istat, sabiex tikber u tiżdied l-effiċjenza fil-Korp tal-Pulizija ħalli tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata.

Iżda, jonqos ferm iktar xi jsir biex il-prinċipji bażiċi tad-demokrazija jkomplu jissaħħu u biex l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jaħdmu aħjar u jkollhom ir-rispett li jixirqilhom.

Irridu naraw jekk wasalx iż-żmien li ssir riforma tas-sistema politika ta’ pajjiżna kollha kemm hi. Irridu naraw ukoll jekk il-liġi elettorali għadhiex tgħodd għaż-żminijiet tal-lum, l-aktar il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti. Din ir-riforma hija meħtieġa u għandha ssir mingħajr iktar dewmien ħalli jonqsu s-suspetti li din il-liġi fiha toqob li minnhom jistgħu jgħaddu l-partiti politiċi biex jaħarbu mill-iskrutinju finanzjarju pubbliku.

Irridu naraw ukoll jekk is-sistema elettorali u l-mod li bih jiġu eletti d-deputati fil-parlament hijiex l-aħjar waħda li nistgħu nkompli għaddejjin biha.

Dawn kollha riformi li jsaħħu l-istat tad-demokrazija f’pajjiżna.

F’isem l-Amministrazzjoni Ċentrali tal-GWU u f’ismi nixtieq nawgura Jum il-Ħaddiema mill-aqwa lill-ħaddiema kollha u l-familja tagħhom.