Written by Ahbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

78 sena mit-twaqqif tal-General Workers’ Union

F’ċerimonja li saret dalgħodu fuq il-monument tal-Ħaddiem fl-Imsida, l-amministrazzjoni ċentrali tal-General Workers’ Union immexxija mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, fakkret it-78 sena mit-twaqqif tal-istess union. Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-President Victor Carachi u d-Depuat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri. 

F’diskors tal-okkażjoni, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li matul iż-żminijiet il-GWU affaċjat diversi sfidi u llum il-ġurnata qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi ġodda. Fost dawn hemm il-ħiliet, il-kapaċitajiet u l-abbiltajiet li l-ħaddiem jeħtieġ biex ikompli javvanza fil-karriera tiegħu. 

“IRRIDU NARAW LI JINQATGĦU L-ABBUŻI U L-PREKARJAT FUQ IL-ĦADDIEMA”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

“Irridu naraw li l-prekarjat u l-abbużi fuq il-ħaddiema jinqatgħu darba għal dejjem, mhux biss fuq il-Maltin, iżda wkoll dawk barranin u oħrajn vulnerabbli. Hemm każijiet oħra li ma jilħqux lill-pubbliku inġenerali iżda li jsiru fuq il-post tax-xogħol. Dawn huma sfidi li l-GWU se tibqa’ tiġġieled u tibqa’ tikkumbatti bl-uffiċjali tagħha f’kwalunkwe post tax-xogħol,” qal is-Sur Bugeja.

Huwa tkellem ukoll dwar l-isfidi ambjentali fejn ħaddiema membri tagħhom qed jeżiġu li jkollhom ambjent aħjar u spazji aktar miftuħa biex igawdu minnhom huma u l-familji tagħhom.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal ukoll li “irridu naraw li l-pensjonanti tagħna jibqgħu mexjin ʼil quddiem u jgħixu ħajja diċenti u ta’ kwalità wara li jkunu kkontribwixxew għat-tkabbir ekonomiku f’dan il-pajjiż.”

Huwa mbagħad għadda biex irrefera għal diversi proposti li ressqet il-GWU għall-Budget 2022 fosthom l-isħubija mandatorja fi trejdunjins u l-prinċipju tal-ħlas ugwali għall-istess xogħol.

“Tlabna wkoll li jkun hemm assigurazzjoni fuq il-post tax-xogħol u li l-ħaddiema jkollhom karriera. Bi djalogu soċjali b’saħħtu u collective bargaining fis-suq tax-xogħol, mhux biss inkunu nistgħu ntejbu l-pagi imma wkoll il-kwalità tal-ħajja,” tenna s-Sur Bugeja.

Fl-aħħar nett, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU tkellem ukoll dwar il-Kungress tal-GWU u qal li dan kellu jiġi pospost għal Ottubru tas-sena d-dieħla minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija.