Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU parti mill-proġett dwar l-immaniġġjar effettiv tal-intelliġenza artifiċjali fil-qasam tax-xogħol

It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-GWU qed tagħti s-sehem tagħha fit-tieni parti tal-proġett TransFormWork 2 bl-isem “Imsieħba Soċjali Flimkien għal Immaniġġjar Aħjar u aktar Effettiv tal-Intelliġenza Artifiċjali għal Tranżizzjoni Ġusta għax-Xogħol tal-Futur”. Proġett immexxi mill-KNSB – Confederation of Independent Trade Unions of Bulgaria u ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-proġett TransFormWork 2 huwa kontinwazzjoni tal-proġett TransFormWork li kien intemm is-sena li għaddiet b’riżultati tajbin li kien jitratta dimensjonijiet ġodda tad-djalogu soċjali issa fl-era diġitali.

Il-proġett il-ġdid huwa ffokat fuq x’soluzzjonijiet konġunti jistgħu jinstabu mill-imsieħba soċjali nazzjonali minn 7 stati membri tal-UE (il-Bulgarija, l-Irlanda, l-Italja, Ċipru, Malta, il-Polonja u r-Rumanija) biex jimmaniġġjaw l-effetti tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) u l-impatt fuq ix-xogħol. B’hekk jinstabu l-mekkaniżmi, il-prattiki u l-inizjattivi tajba biex jantiċipaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet ta’ għada, u jerġgħu jħarrġu l-forza tax-xogħol eżistenti.

Il-proġett se jkun qed ifittex ukoll li jqajjem kuxjenza dwar kif, billi timplimenta l-istrateġiji t-tajba u billi tiżgura l-prinċipju tal-kontroll uman, l-AI tista’ tkun ta’ benefiċċju u valur miżjud billi tipprovdi opportunitajiet ġodda fis-suq tax-xogħol, modi ġodda ta’ organizzazzjoni u titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Il-proġett se jiġi implimentat f’konsorzju ta’ 15-il organizzazzjoni (rappreżentanti ta’ ħaddiema u ta’ min iħaddem, universitajiet u istituti ta’ riċerka).