Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika

Il-General Workers’ Union tilqa’ b’sodisfazzjoni r-riforma fil-kirjiet ta’ qabel l-1995

Il-General Workers’ Union tilqa’ b’sodisfazzjon ir-riforma mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ono Roderick Galdes dwar il-kirjiet residenzjali ta’ qabel l-1995. F’din ir-riforma mħabbra l-Gvern qed isib bilanċ bejn l-inkwilin u s-sidien ta’ dawn il-proprjetajiet. Dan il-bilanċ ser jintlaħaq billi ħadd ma jħallas iktar milli jiflaħ, filwaqt li s-sidien ser jirċievu dħul xieraq mill-kirja skont il-valur preżenti tal-istess proprjetà.

Matul is-snin il-GWU tkellmet dwar persuni vulnerabbli bi dħul baxx u pensjonanti li kienu qed isofru minn ansjetà kbira u inċertezza minħabba futur inċert dwar darhom. Fil-fatt fil-proposti tagħha għar-riforma fil-kirjiet privati tal-2017, hija kienet saħqet dwar il-ħtieġa biex din il-problema tiġi indirizzata.

Ħafna minn dawn l-inkwilini huma anzjani u persuni vulnerabbli li jew jgħixu bil-pensjoni jew bil-benefiċċji soċjali u ma jifilħux iħallsu. Il-Gvern qed ikun jgħin billi ser jassorbi sa massimu ta’ €10,000 ta’ dawk li ma jifilħux iħallsu filwaqt li s-sidien issa ser jibdew jirċievu sa 2% tal-propjetà. Il-Gvern ser ikun qed jipproteġi lil min jiflaħ lanqas.

It-twemmin tal-General Workers’ Union huwa mibni fuq il-ġustizzja soċjali u din ir-riforma tmur id f’id ma’ din il-viżjoni. Waqt il-laqgħa li saret din il-gimgha fil-Workers’ Memorial Building, bejn il-kabinett tal-Ministri u l-ogħla uffiċjali tal-GWU, iż-żewġ naħat tkellmu dwar l-importanza tal-ġustizzja soċjali u kif għandna naħdmu aktar biex noħolqu soċjetà li tgħin u twieżen lil dawk l-aktar fil-bżonn – soċjetà ġusta u ħanina.

Fil-ġranet li ġejjin il-General Workers’ Union ser tkun qed tiltaqa’ mal-Onorevoli Roderick Galdes biex tiddiskuti r-riforma f’aktar dettall u l-impatt tagħha fuq il-membri tagħna.