Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Home, Politika

Il-GWU qed titlob reviżjoni tal-ftehim settorjali li hi involuta fihom fis-servizz pubbliku

It-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi fi ħdan il-GWU kitbet lil People and Standards Division fi ħdan il-Gvern Ċentrali li nnutat li s-servizz pubbliku nnegozja ftehim u introduċa allowances ġodda li jkopru snin preċedenti fejn jitħallsu bħala arretrati.  Il-GWU dejjem kienet infurmata li meta jkun hemm ftehim settorjali jridu jgħaddu ħames (5) snin qabel jiġi nnegozjat ftehim ieħor.  Fil-Fatt il-Ftehim Kollettiv tal-ħaddiema fis-servizz pubbliku 2017-2024, artiklu 8.2 jgħid li jridu jgħaddu tal-inqas ħames (5) snin mid-data tal-iffirmar.

Is-Segretarju tat-Taqsima, innota wkoll li l-Manwal tal-Allowances ġie injorat meta ċertu pożizzjonijiet ġew intitolati għal ċertu allowances li qabel ma kinux eliġibbli għalihom.  Għaldaqstant,  il-GWU qed titlob żieda fl-allowances għall-impjegati kollha tas-servizz pubbliku li hi tirrappreżenta. Apparti minn hekk il-Union qed titlob ukoll introduzzjoni ta’ allowance li tirrigwardja l-iżvilupp professjonali għall-ħaddiema li jifformaw parti mill-Health Care Class.

It-Taqsima qiegħda tistenna risposta dwar it-talbiet tagħha u tirriserva d-dritt li tieħu passi ulterjuri sabiex tipproteġi l-interessi tal-membri tagħha. Il-GWU tisħaq li għandha tkun stmata daqs kull Trade Union oħra li tirrappreżenta lill-membri tagħha li jaħdmu fis-Servizz Pubbliku.