Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Ftehim li se jtejjeb il-ħiliet u l-kompetenzi tal-ħaddiema

Il-General Workers’ Union u l-istituzzjoni privata ewlenija tal-edukazzjoni għolja IDEA Academy iffirmaw ftehim ta’ kooperazzjoni bejniethom immirat biex jippromwovi t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema. Il-ftehim jistabbilixxi korsijiet li għandhom l-għan li jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-ħiliet, inkluż l-appoġġ lil dawk il-ħaddiema li minħabba raġuni jew oħra matul ħajjithom ma kisbux l-kwalifiki meħtieġa biex javvanzaw fil-karriera tagħhom u b’hekk jiżguraw pagi u kundizzjonijiet aħjar.

IDEA Academy tipprovdi korsijiet f’diversi oqsma tal-edukazzjoni ffukati fuq il-ħtieġa tal-industrija, taħriġ għall-adulti, u jvarjaw minn programmi bazici, diploma, baċellerat u masters. L-oqsma jvarjaw minn kura tas-saħħa għal finanzi, management, compliance, teknoloġija diġitali, ospitalità u trasport u loġistika, fost oħrajn.

Wara l-iffirmar tal-MOU, Vince Maione, il-Prinċipal tal-Akkademja tal-IDEA, qal li Malta tonfoq 5.7% tal-prodott gross domestiku tagħha fuq l-edukazzjoni u madankollu r-riżultati ma kinux skont l-istandard, bir-ripple effect jissarraf fis-suq tax-xogħol. Xi 30% tal-forza tax-xogħol attiva kellha livell ta’ edukazzjoni fqir ħafna, żied jgħid.

“Aħna entità li tiffoka fuq korsijiet edukattivi li jimxu mal-ħtieġa tal-industrija u li tagħraf l-importanza tal-programmi bażiċi u li jsaħħu l-pedament tal-għerf tal-persuna. Kollaborazzjoni bħal din mal-GWU hija għalhekk ta’ importanza kbira għalina.”

Il-GWU min-naħa l-oħra bħala l-akbar rappreżentant tal-ħaddiema, dejjem emmnet fl-importanza tal-edukazzjoni tant li għandha kemm fergħa tal-edukazzjoni u żewġ skejjel tagħha. Anke fuq level industrijali, il-GWU tisħaq dwar il-ħtieġa li l-ħaddiema jżidu l-ħiliet tagħhom. Dan ikun bil-għan li l-ħaddiema jimxu f’karriera u mhux f’impjieg. Kull ftehim kollettiv iffirmat mill-GWU jaħseb għal taħriġ tal-ħaddiema. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li “min-naħa tagħna ilna ħafna naħdmu mal-Akkademja IDEA u diġà kellna diversi persuni li attendew korsijiet. Apparti hekk, sa mill-ħolqien tagħha u dawn l-aħħar snin tajna iżjed importanza fir-rigward ta’ kisba ta’ għerf u ħiliet ġodda għax id-dinja tax-xogħol qiegħda kontinwament tinbidel. Dan nagħmluh ghax naraw il-ħaddiema b’mod ħolistiku u nafu li għad-dinja ta’ xogħol ta’ għada se jkun hemm ħtieġa ta’ ħiliet ġodda. Aħna rridu li l-ħaddiema jkun kapaċi jaħtfu l-opportunitajiet li jinħolqu għax ikollhom il-ħiliet meħtieġa.”