Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Ħaddiema tal-amministrazzjoni pubblika b’żieda tal-cola fuq dik diġà eżistenti fil- ftehim kollettivi

F’laqgħa bejn il-Gvern u l-erba’ unjins, il-For.U.M., il-GWU, il-UHM Voice of the Workers u s-CMTU, intlaħaq qbil li l-ħaddiema tal-Amministrazzjoni Pubblika jieħdu żieda fuq iż-żieda eżistenti tal-Ftehim Kollettivi, bil-għan li l-ħaddiema tas-servizz u s-settur pubbliku jkunu ħadu aġġustament għall-COLA, minkejja li l-Ftehim Kollettivi diġà għandhom il-COLA inkluża. Din il-laqgħa saret wara talba li kienu għamlu l-erba’ unjins lill-Prim Ministru.

B’hekk se jiżdied l-ammont ta’ €6.41 fil-ġimgħa maż-żieda tal-Ftehim Kollettiv għas-sena 2024, sabiex tirrifletti l-effett tal-COLA ta’ €12.81 fil-ġimgħa. Kull skala fil-Ftehim Kollettiv għall-Uffiċċjali Pubbliċi se jingħata b’mod ugwali top up ta’ €6.41 fil-ġimgħa fuq iż-żieda eżistenti. Dan se jiġi applikat ukoll fis-Settur Pubbliku fejn il-ħaddiema kollha se jingħataw l-istess top up.

Fir-rigward tar-relattività għall-Uffiċċjali Pubbliċi din se tkun diskussa fl-ewwel kwart tas-sena 2024, kif jibdew id-diskussjonijiet għall-Ftehim Kollettiv li jagħlaq fl-aħħar tal-2024.

Fir-rigward tas-Settur Pubbliku, id-diskussjonijiet isiru meta l-Ftehim ikun wasal għat-terminu li jiskadi biex ma jinħoloq l-ebda trattament inugwali bejn il-ħaddiema fl-Amministrazzjoni Pubblika. Il-unjins ser ikunu qed jaraw l-impatt tar-relattività fuq id-diversi Ftehim Kollettivi fis-Settur Pubbliku u ser ikunu qed jindirizzaw kull tali impatt negattiv mal-Amministrazzjoni Pubblika.

Min-naħa tal-Gvern, il-laqgħa tmexxiet mill-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana u s-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joyce Cassar. Min-naħa tal-unjins kien hemm Pawlu Pace f’isem il-For.U.M., Josef Bugeja f’isem il-GWU, Josef Vella f’isem l-UHM Voice of the Workers u William Portelli f’isem is-CMTU.