12:30 p.m: Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-GWU qiegħda tħares lil hinn mill-pandemija u l-filosofija tagħha hija bbażata fuq il-ġustizzja soċjali.
Bugeja qal li l-GWU temmen li l-pilastri li għandna mniffokaw fuqhom huma l-edukazzjoni, l-impjiegi diċenti f’dinja ġdida tax-xogħol, is-soċjetà, l-ambjent, il-kwalità tal-ħajja, l-ekonomija u dawk meqjusa bħala vulnerabbli.
Qal li l-GWU temmen li l-edukazzjoni hija l-aqwa element li permezz tiegħu jista’ jiġi eliminat il-faqar. Qal ukoll li għandu jkun hemm aktar sinerġija bejn l-istituzzjonijiet edukattvi u s-setturi industrijali fl-stess waqt li jeħtieġ li l-edukaturi joħorġu huma wkoll fil-postijiet tax-xogħol biex jgħallmu hemm.
Huwa tkellem ukoll li għandu jkun hemm aktar trasparenza fil-pagi b’mod li jinqatgħu l-abbużi u l-isħubija mandatorja fi trade union. Huwa enfasizza wkoll dwar il-bżonn li jonqsu l-inċident u l-imwiet fuq il-post tax-xogħol.
Tenna wkoll li r-riforma fil-kirjiet li ħabbar il-Gvern is-Sibt li għadda tat serħan il-moħħ lil ħafna anzjani u persuni vulnerabbli li jgħixu f’dawn id-djar.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU tkellem ukoll dwar il-green jobs, l-iżvilupp urban u l-enerġija rinovabbli li rrdu nibqgħu naħdmu fuqha. “Nemmnu li għandu jkun hemm trasport alternattiv tal-massa u jkun hemm aktar inċentivi fuq vetturi elettriċi.”
Huwa qal li l-ġlieda kontra l-faqar għandha ssir minn kull ċittadin f’pajjiżna. Qal li rridu naħdmu flimkien biex id-differenzi li jkun hemm fuq il-post tax-xogħol inneħħuhom.
“Flimkien nistgħu nibqgħu niġġieldu wkoll s-solitudni. Irridu nindirizzaw il-pensjonijiet ta’ qabel l-1961. Hemm bżonn ta’ aktar efnasi fuq il-litteriżmu finanzjarju.”
Temm jgħid li: “bħala GWU ninsabu kburin li jagħmlu parti minn Tim Malta. “Ma niddejqu xejn li kemm fuq il-post tax-xogħol, fuq livell nazzjonali u anke fuq livell globali nitkellmu dejjem favur Malta u kif għandha timxi ‘l quddiem is-soċjetà tagħna.”
12:00 p.m: Il-President tal-GWU jirrikonoxxi l-avvanzi li saru fl-aħħar snin
Min-naħa tiegħu, il-President tal-GWU Victor Carachi stqarr li llum huwa jum storiku għall-GWU għall-fatt li l-Kabinett qiegħed jitlaqqa’ fil-moviment naturali tal-ħaddiema.
Huwa qal li f’dawn l-aħħar tmien snin, il-pajjiż għamel avvanzi kbar fejn naqas drastikament il-faqar, żdiedu l-pagi u l-pensjonijiet, żdiedet l-paga mimina, u issa tħabbret ir-riforma fil-kirjiet ta’ qabel l-1995.
Qal ukoll li jonqos xi jsir biex jinqata’ darba għal dejjem il-prekarjat iżda ninsabu fit-triq it-tajba biex il-pajjiż u l-poplu jibqa’ miexi ‘l quddiem.
Meta kien qed jitkellem dwar il-pandemija, il-President tal-GWU stqarr li mhux faċli li jinkiseb il-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomika però tenna li pajjiżna sejjer ferm aħjar minn pajjiżi akbar minna, u għalhekk kollox irid jiġi kkunsidrat biex wieħed jara l-istampa kollha.
Tenna li jidher li mhux kulħadd qiegħed jiġbed ħabel wieħed filwaqt li oħrajn għażlu li jibqgħu siekta. Qal li bħala GWU jinsabu responsabbli biżżejjed biex f’nofs pandemija, inġibu s-saħħa tal-poplu l-ewwel u qabel kollox.
11:30 a.m: Diskussa white paper dwar id-dekriminalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu personali sa ċertu ammont
Il-Kabinett illum se jiddiskuti t-tnedija ta’ white paper li se twassal għal emendi fil-liġi biex ikollna dekriminalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu personali sa ċertu ammont.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela fl-introduzzjoni tiegħu ta’ laqgħa tal-Kabinett li qed issir fil-bini tal-Workers’ Memorial Building, il-Belt Valletta.
Preżenti kien hemm ukoll l-Amministrazzjoni Ċentrali tal-GWU komposta mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri u l-President Victor Carachi, flmkien mas-Segretarji tad-diversi Taqsmiet fi ħdan l-istess union.
Il-Prim Ministru beda d-diskors tiegħu billi qal li huwa ta’ sodisfazzjon għalih li l-Kabinett qiegħed jiltaqa’ fil-bini tal-GWU li tirrappreżenta l-interessi ta’ eluf kbar ta’ ħaddiema.
Huwa qal li l-ħaddiem huwa element ewlieni ta’ Tim Malta u f’laqgħa simili fil-Kamra tal-Kummerċ, l-Gvern nieda l-viżjoni ekonomika tiegħu.
“Biex nattwaw din il-viżjoni għandna bżonn is-sehem tal-ħaddiema fuq quddem nett. Irrid imbagħad naraw li dak is-sehem il-ħaddiem jaħdem f’ambjent dinjituż u xieraq,’ qal il-Prim Ministru.
Tenna li biex titkellem fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-ewwel li trid tiggarantixx huwa x-xogħol. Qal li dak li għamel dan il-Gvern fl-aħħar xogħol, bl-inizjattivi li ttieħdu, ġew assigurati l-impjiegi.
“Fl-aħħar xhur ħallasna mijiet ta miljuni ta’ ewro f’wage supplement u leave tal-kwarantina. b’kollox €366 miljun. Fl-istess ħin, bqajna ntejbu l-kundizzjonjiet tal-ħaddiema. Nagħtuhom paga aħjar u kundizzjonjiet aħjar. Is-sena li għaddiet kellna 16-il ftehim kollettiv fis-settur pubbliuku, uħud tal-ewwel darba. Illum qegħdin hawn f’mument fejn il-Gvern qed jikkonsulta u jirriċerka biex ifassal politika aġġornata fuq il-post tax-xogħol għas-seba’ snin li ġejjn,” żiied jgħid il-Prim Ministru.
Huwa stqarr li l-Gvern huwa ispirat minn prinċipji ċari u huwa dejjem interessat li jisma mingħand l-imsieħba soċjali kollha.
Huwa sostna wkoll li rridu nkomplu nitkellmu dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u dwar il-mod kif nistgħu naħdmu b’mod aktar effiċjenti.
Tenna li s-suq tax-xogħol naffaċċjawh b’kuraġġ. L-istess kuraġġ u għatx għall-bidla u determinazzjoni li wrejna meta fassalna r-riforma fil-liġi tal-kirjiet ta’ qabel l-1995.
“Naf kemm hi importanti din ir-riforma għall-GWU li tirrappreżenta eluf ta’ ħaddiema u pensjonanti li l-inċertezza li tħallew fiha kienet tqattagħhom minn ġewwa.
Ninsab inkoraġġit b’reazzjonjiet pożittiivi b’mod ġenerali. Jidher li hemm apprezzament għall-mod kif ridna nwasslu għall-ġustizzja u serħan il-moħħ.”
RITRATTI: ALAN SALIBA Source: inews.com.mt