Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

“Mhux qed tiġi rispettata d-deċiżjoni tal-ħaddiema impjegati mal-G4S stazzjonati fl-MIA” – Theo Vella

Aktar ħaddiema qed jissieħbu fi ħdan il-General Workers’ Union. L-aħħar għadd ta’ ħaddiema li ngħaqdu mal-GWU kienu impjegati tal-kumpanija tas-sigurtà G4S li jagħtu servizz fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Dawn il-ħaddiema qed isibu ostaklu billi l-union li kienu fiha qabel baqgħet ma tridx taċċetta l-fatt li dawn issieħbu fil-GWU. Min-naħa tagħha, il-GWU ippreżentat id-dokumenti relatati mas-sħubija fil-union tant li fil-ġranet li ġejjin mistenni jsir proċess ta’ votazzjoni biex jiġi stabbilit liema union tirrappreżenta lil dawn il-ħaddiema.

Dan sostnieh Theo Vella, Segretarju tat-Taqsima Forzi Dixxplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġi li magħha ġew affiljati dawn il-ħaddiema tal-G4S.

Filwaqt li ħeġġeġ lil dawn il-ħaddiema biex jipparteċipaw fil-votazzjoni, Vella sostna li l-GWU umilment se tkun qiegħda taċċetta r-riżultat, ikun xi jkun.

“Għaldaqstant importanti li dan il-proċess jitħaddem u jipparteċipaw kemm jista’ jkun nies biex nibdew ninnegozjaw affarijiet għal dawn il-ħaddiema.

“Dawn il-ħaddiema, illum il-ġurnata l-impjieg tagħhom salva biss minħabba l-intervent tal-Gvern bil-wage supplement. Għalhekk hu importanti li ningħaqdu flimkien biex naraw x’qed jiġri xahar b’xahar, jekk hemm bżonn ġimgħa b’ġimgħa, biex sal-aħħar tas-sena nerġgħu nagħtu kundizzjonijiet ġodda lil dawn il-ħaddiema,” qal Vella.

Huwa temm jirringrazzja lill-ħaddiema li qed jistennew minn mument għall ieħor li jaslilhom avviż biex fil-ġranet li ġejjin jipparteċipaw f’dan il-vot demokratiku.

Source: https://www.inewsmalta.com/