Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

L-Ewropa għandha bżonn trejdunjins b’saħħithom bħalma hi l-GWU

Meta kien qed jindirizza l-konferenza internazzjonali tat-80 anniversarju tal-GWU, il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Oliver Röpke qal li l-GWU kienet suċċess mhux biss għal Malta imma anke għall-Ewropa. Dan għaliex l-Ewropa għandha bżonn trejdunjins b’saħħithom u l-GWU hi waħda minnhom.

Oliver Ropke beda d-diskors tiegħu billi semma kif Malta kellha sehem importanti fil-ħajja personali tiegħu u qal li għalhekk kien ferħan li reġa’ qed iżur lil pajjiżna. Fakkar ukoll li Malta kienet l-ewwel pajjiż li żar immedjatament wara li kien elett president tal-Grupp tal-Ħaddiema fi ħdan il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-2019.

Huwa fisser illi t-tmenin anniversarju tal-GWU jaħbat kważi eżatt mal-75 anniversarju mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dikjarazzjoni li stabbiliet għall-ewwel darba d-drittijiet fundamentali ċiviċi, politiċi, ekonomiċi u kulturali għal kuilħadd.

F’dan il-kuntest huwa semma li dawn id-drittijiet għandhom ikunu sors ta’ ispirazzjoni għal kull wieħed u waħda minnha biex niddefendu u mmexxu ‘l quddiem dawn l-istess drittijiet.

Għalhekk huwa dritt fundamentali li persuna tissieħeb f’organizzazzjoni tal-ħaddiema bħalma hi l-GWU, dritt li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC) irid ikompli jaħdem għalih u jipproteġih.

Dwar il-GWU, il-President tal-EESC qal li sa mit-twaqqif tagħha fl-1943 ħadmet biex tipproteġi lill-ħaddiema u tiddefendi l-interessi tagħhom u li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u l-kwalità tal-ħajja tagħhom ikun assigurati permezz ta’ ħidma mill-qrib mal-gvern u ma’ entitajiet bħalma hu l-EESC fil-livell Ewropew.

Huwa kompla biex enfasizza illi fid-dawl tal-kriżi ġeopolitika, ekonomika u soċjali li qed nifaċċjaw illum flimkien man-nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi iġegħluna naħdmu aktar biex nissalvagwardaw il-prinċipji komuni Ewropej li huma s-sisien tat-trejdunjins u li fuqhom isserraħ is-sħubija soċjali.

Huwa rrefera wkoll għall-importanza tan-negozjar kollettiv u qal li jeħtieġ li tkompli l-ħidma biex il-mira ta’ 80% kopertura tan-negozjar kollettiv madwar l-Ewropa tintlaħaq kemm jista’ jkun malajr. F’dan il-kuntest faħħar ix-xogħol tal-GWU biex in-negozjar kollettiv jissaħħaħ u jiżdied.

Tkellem ukoll dwar il-funzjoni importanti tas-soċjetà ċivili bħala gwardjan tad-demokrazija u qal li l-istituzzjonijiet nazzjonali għandhom jgħollu l-istandards u jagħtu iktar spazju lis-soċjeta ċivili fil-libertya tal-espressjoni u non-diskriminazzjoni.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu, Oliver Robke irrefera wkoll għt-tranżizzjoni diġitali u d-drittijiet tal-ħaddiema u qal li din hija sfida oħra kbira għall-Ewropa inkluża l-ħlieda kontra t-tibdil tal-klima, il-bidla lejn ekonomija ħadra u d-diġitalizazzjoni.

Huwa qal li l-Mudell Soċjali Ewropew jibqa’ element kruċjali li jrid jadatta biex jindirizza l-isfidi moderni fosthom il-qalba diġitali li teħtieġ ħiliet u arranġamenti ġodda kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ ħaddiema b’mod partikloari l-enfasi fuq il-kwalita tal-impjiegi għan-nisa u ż-żgħażagħ u n-negozji.